Internazzjonali

Stati Uniti: Il-Pentagon u faċilitajiet militari ‘mira f’attakk potenzjali mir-Russja’

It-Televiżjoni tar-Russja ħarġet ‘lista’ ta’ faċilitajiet nukleari tal-Istati Uniti li jistgħu jisfaw mira ta’ Moska fil-każ ta’ xi attakk nukleari. Il-Pentagon f’Washington ukoll hu indikat bħala ‘mira’, bis-sorsi f’Moska jtennu li ‘missila hypersonic li qed tiżviluppa r-Russja tkun tista’ tolqot it-territorju tal-Amerikani f’anqas minn ħames minuti’.

Ir-rapport — meqjus bħala straordinarju anki għas-soltu livell ta’ rappurtaġġ aggressiv mit-Televiżjoni Russa – ixxandar wara li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li Moska ‘tinsab lesta, fuq livell militari, għal kriżi bħal tal-‘Missili ta’ Kuba’ (tas-snin sittin, matul il-Gwerra Bierda) f’każ li l-Istati Uniti tkun trid din is-sitwazzjoni’.

Intant, il-preżentatur tal-programm tal-aħbarijiet ‘Vesti Nedeli’ ippreżenta mappa tal-Istati Uniti waqt li identifika xi miri (fosthom ċentri ta’ kmand militari jew presidenzjali) ‘li Moska tkun trid tolqot fil-każ ta’ gwerra nukleari’.

Ir-Russja qed tinkwieta li l-Istati Uniti kapaċi tistazzjona l-missili nukleari fl-Ewropa għal fuq id-distanzi medji u interkontinentali. Dan meta, illum, sfuma t-Trattat għall-kontroll tal-armi minn żmien l-era tal-Gwerra Bierda.

Filwaqt li rrankat it-tensjoni, Putin qal li r-Russja jkollha tirreaġġixxi ‘għall-istazzjonar potenzjali mill-Amerikani’ b’li tistalla l-missili (nukleari) hypersonic fuq is-sottomarini tagħha ftit ‘il barra mill-ibħra tal-Istati Uniti.

L-Istati Uniti, intant, tinsisti li mgħandhiex pjani immedjati biex tistazzjona missili fl-Ewropa u warrbet għall-kummenti ta’ Putin bħala ‘propaganda’. Iżda l-aħħar deċiżjoni ta’ Washington biex joħroġ mill-isemmi trattat tal-1987 tidher li ‘fetħet it-triq’ għar-Russja biex tiżviluppa u tistazzjona l-missili fuq livell medju sa interkontinentali.