Internazzjonali

Theresa May taħt pressjoni akbar biex tikkunsidra dewmien għal Brexit

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed tiffaċċja livell akbar ta’ pressjoni biex tikkonferma li hi għandha titfa’ lura l-proċess ta’ Brexit, aktar milli tippermetti li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea (fid-29 ta’ Marzu) mingħajr ftehim fiss ma’ Brussell.

Pjan ġdid ippreżentat minn numur ta’ deputati Konservattivi fil-House of Commons qed jissuġġerixxi li Brexit jispiċċa ‘pospost sat-23 ta’ Mejju’ bil-għan li Londra ‘tikkonkludi n-negozjati mar-Rappreżentanti tal-Unjoni’.Il-posponiment kien issuġġerit bħala alternattiva għall-proposti tal-partiti b’rappreżentanza fil-Parlament ta’ Londra u li jesiġu biex id-deputati jieħdu kontroll tal-proċess ta’ Brexit.

Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Olanda, Mark Rutte, wissa lil Theresa May li r-Renju Unit ‘riesaq aktar lejn xenarju ta’ no-deal ( ma’ Brussell)’ u li Londra teħtieġ tirrikonoxxi kif sejrin l-affarijiet. Theresa May u Rutte, intant, iltaqgħu waqt is-summit għall-Mexxejja tal-UE u Għarab li qed jikkonkludi f’Sharm El Sheikh (fl-Eġittu) u meta May qed tipprova tirbaħ aktar konċessjonijiet mill-Ewropa għall-ftehim dwar Brexit.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit fl-aħħar sigħat kellha wkoll laqgħat mal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel; il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker u l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk — b’dawn isiru wara l-kwinti tas-summit, imqassam fuq jumejn.

Intant, il-Prim Ministru tal-Irlanda, Leo Varadkar, fisser il-possibbiltà ta’ Brexit mingħajr ftehim bħala ‘xenarju fejn jitlef kulħadd’, iżda ammetta wkoll li ma jemminx li x-xenarju ta’ no-deal Brexit għandu jiżvolġi fir-realtà.

Theresa May fi tmiem il-ġimgħa ħabbret li d-deputati parlamentari Britanniċi għandhom jingħataw vot ieħor dwar il-ftehim tagħha dwar Brexit fit-12 ta’ Marzu u sostniet li ‘għadu possibbli li r-Renju Unit joħroġ mill-UE, fid-29 ta’ Marzu’. Intant, ħafna deputati f’Londra kienu qed jistennew li l-vot isir qabel, bl-istqarrija ta’ May tiddiżappunta ħafna kapijiet fis-settur tal-kummerċ li qegħdin jinsistu għal ‘aktar ċertezza’.