Sport Sport Ieħor

Valletta Subbuteo Club jirbħu t-tournament tat-timijiet li sar f’Bormla

Valletta Subbuteo Club rebħu t-tournament fil-kategorija tat-timijiet li kien organizzat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet minn Bormla Subbuteo Club. Din l-attività bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali kienet organizzata fil-każin tal-banda San Ġorġ. Bormla Subbuteo Club spiċċaw it-tieni segwiti minn Valletta Lions TFC.

Samuel Bartolo ta’ Valletta Subbuteo Club rebaħ il-kategorija Open. Fil-finali hu għeleb lil Charlie Aquilina ta’ Bormla SC 5-1 wara li huma kienu eliminaw lil Tristan Fenech u Mauro Camilleri fis-semifinali.

Valletta Subbuteo Club kellhom rebħa oħra hekk kif Mario Camilleri rebaħ il-kategorija tal-Veterani. Hu rebaħ b’sudden death kontra Adrian Bonnici ta’ Valletta Lions TFC wara li l-logħba kienet spiċċat 1-1.

Il-kategorija ta’ taħt il-15-il sena ntrebħet minn Thomas Ebejer ta’ Valletta Lions TFC li għeleb lil Jeshua Bonnici tal-istess klabb fil-finali. Il-preżentazzjoni saret mis-Sindku Alison Zerafa Civelli.

Intant fi tmiem il-ġimgħa li għadda, żewġ plejers Maltin li qed jilagħbu fl-Italja, ħadu sehem fil-Coppa Itala. Mark Gauci ta’ ASC Perugia ma għaddiex mill-fażi tal-gruppi filwaqt li t-tim Napoli Fighters li magħhom jilgħab Massimo Cremona wasal sal-finali.