L-azzjoni ta’ Kepa Arrizabalaga fil-finali tal-League Cup kontra Manchester City kellha l-konsegwenzi hekk kif Chelsea ddeċidew li jimmultawh ġimgħa paga. L-argument seħħ lejn tmiem il-ħin barrani, b’Arrizabalaga jirrifjuta li jkun mibdul ma’ Willy Caballero, f’sitwazzjoni rari fil-futbol, sitwazzjoni li ħalliet lil Maurizio Sarri rrabjat.
Kemm il-gowlkiper kif ukoll il-manager pruvaw idawru din is-sitwazzjoni bħala nuqqas ta’ komunikazzjoni, iżda Arrizabalaga talab apoloġija personali lil Sarri, lil sħabu u lill-klabb f’dak li ammetta li kien żball kbir.
“Ħsibt ħafna fuq dak li seħħ. Minkejja li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni, meta kont qed nirrifletti, għamilt żball kbir kif ikkontrollajt is-sitwazzjoni. Irrid nieħu l-ħin biex nitlob biex nitlob apoloġija lill-kowċ, lil Willy, lil sħabi u lill-klabb. Issa rrid noffri l-istess apoloġija lill-partitarji. Se nitgħallem minn dan l-episodju u naċċetta kull kastig jew dixxiplina li l-klabb jiddeċiedi,” qal Arrizabalaga.
Maurizio Sarri qal li huma tkellmu fuq l-inċident u qal li għalih hu kapitlu magħluq. Hu għamel referenza għall-prestazzjoni tat-tim li kienet pożittiva ħafna u saħaq li kienet ħasra li kienet fid-dell tal-inċident. “L-attenzjoni ta’ kulħadd hi fuq il-logħba li jmiss u kulħadd irid ipoġġi kollox warajh,” temm Sarri. Il-ġimgħa paga sospensjoni se tmur għall-karità.
//= $special ?>