Futbol Sport

Brendan Rodgers jirritorna fil-Premier League

Leicester City ikkonfermaw lil Brendan Rodgers bħala l-manager tagħhom sa Ġunju tal-2022. Għal Rodgers se jkun ritorn fil-Premier League wara kważi tliet snin ma’ Celtic fejn rebaħ seba’ unuri u kien qed imexxi lil Celtic għat-tielet tripletta domestika konsekuttiva.

Rodgers li għandu 46 sena, fil-passat mexxa lil Swansea u Liverpool u sar it-tielet manager permanenti minn meta keċċew lil Claudio Ranieri fi Frar ta’ sentejn ilu.

Il-Ħadd, Leicester ħabbru li neħħew mill-kariga lil Claude Puel wara t-telfa f’darhom ta’ 4-1 kontra Crystal Palace. Rapporti fil-media internazzjonali qalu li Rodgers informa lill-plejers ta’ Celtic ilbieraħ wara nofsinhar li kien se jitlaq, wara li wera x-xewqa lill-bord li jingħaqad ma’ Leicester.

Intant, Celtic ħabbru li Neil Lennon se jirritorna mal-klabb bħala kowċ tagħhom sa tmiem l-istaġun.