Everton taffew ftit il-pressjoni fuq il-manager Marco Silva b’rebħa importanti ta’ 3-0 barra minn darhom fuq Cardiff. Gylfi Sigurdsson fetaħ l-iskor fil-41 minuta meta għeleb lil Neil Etheridge b’xutt fil-baxx għar-rokna wara kross mil-lemin ta’ Seamus Coleman.
It-Toffees irduppjaw fis-66 minuta meta Etheridge blokka parzjalment kross mix-xellug, bil-ballun jispiċċa għand Gylfi Sigurdsson li spara fis-saqaf tax-xibka. Dominic Calvert-Lewin issiġilla r-rebħa bl-aħħar xutt tal-logħba b’konklużjoni minn barra l-kaxxa.
Il-manager il-ġdid ta’ Leicester Brendan Rodgers segwa r-rebħa tat-tim il-ġdid tiegħu hekk kif Leicester għelbu lil Brighton 2-1 fil-King Power Stadium. B’hekk tkompli s-serje negattiva ta’ Brighton li għadhom ma rebħux fil-Premier League fl-2019.
Huma fetħu l-iskor wara biss 10 minuti meta Youri Tielemans fetaħ tajjeb lejn Demarai Gray li ma kellux problema biex jegħleb lil Matthew Ryan. Leicester irduppjaw fl-64 minuta b’passaġġ tajjeb ta’ James Maddison lejn Jamie Vardy li skorja b’xutt b’saħħtu fil-baxx. Brighton daħlu fil-logħba tliet minuti wara b’konklużjoni ta’ Davy Propper mill-kaxxa.
Wolves naqsu li jitilgħu momentarjament fis-seba’ post meta sfaw megħluba mit-tim tal-qiegħ Huddersfield. Din kienet l-ewwel rebħa għalihom minn 25 ta’ Novembru meta kienu proprju għelbu lil Wolves. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fil-91 minuta meta minn kross ta’ Aaron Mooy, il-ballun spiċċa għand Karlan Ahearne-Grant li kellu x-xutt salvat parzjalment minn Rui Patricio, b’ Steve Mounie jmattar siequ biex skorja r-rebound mill-viċin.
Newcastle komplew il-forma pożittiva tal-aħħar logħbiet b’rebħa f’St. James’ Park kontra Burnley 2-0. B’hekk huma kisbu 13-il punt mill-aħħar sitt logħbiet. Id-difensur Fabian Schär fetaħ l-iskor fl-24 minuta b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa. Sean Longstaff irdoppja l-iskor 14-il minuta wara b’xutt djagonali fil-baxx wara kross mix-xellug.
//= $special ?>