Ambjent Lokali Saħħa

Espert jgħid li t-tniġġis f’Malta qed jigrava u li Ħ’Attard sar agħar minn Beijing

F’pajjiżna għandna erba’ stazzjonijiet li jistgħu jevalwaw il-kwalita’ tal-arja. Dawn qed jħarsu lejn il-PM2.5 li huma l-emissjonijiet tat-trasport li jagħmlu ħsara lis-saħħa tagħna u wkoll PM10 li jinkludu t-trab u sustanzi oħra li jniġġsu l-arja.

L-impatt ta’ PM2.5 u PM10 fuq saħħitna huwa xi ħaġa li ħadd ma jista’ jiċħad, kif stqarr Daniel Cauchi mas-sit Lovin Malta, speċjalista fis-saħħa u l-mediċina. Huwa sostna kif il-livell ta’ dawn l-impatti f’Malta qed jiggrava kuljum.

Dawn l-erba’ stazzjonijiet jinsabu allokati fl-Għarb, Żejtun, Msida u Ħ’Attard. Iċ-ċifri awtomatikament jitilgħu fuq il-website tal-monitoraġġ tal-kwalita’ tal-arja u jiġu klassifikati fi klassifikazzjoni tajba, moderati jew ħżiena għas-saħħa skont il-kriterji tal-indiċi tal-kwalita’ tal-arja.

Cauchi għamel riċerka fuq osservazzjonijiet li saru fuq ġurnata kalma u xemxija, meta ma kienx hemm riħ u nnota sħab ta’ tniġġis fuq in-nofs ta’ Malta.

Huwa qal li sħaba griża kienet visibilment ċara fuq naħat li l-aktar ikun hemm traffiku bħal Santa Luċija u Ħal Tarxien u dan rah biss bejn it-08.30 u d-09.30 ta’ filgħodu.

Permezz tal-website, irnexxilu jistabbilixxi aħjar mudell tat-tniġġiż tal-arja. Fi ġranet kalmi, jidher li hemm it-tniġġiż tal-arja jgħola sew fil-ħin tar-‘rush hours’, l-aktar bejn id-9 u l-10 ta’ filgħodu u bejn is-7 u t-8 ta’ filgħaxija. Dan l-aħħar il-livell ta’ tniġġiż tal-arja f’Ħ Attard kien ogħla minn dak ta’ Beijing. Għawdex huwa l-inqas li qed jiġi affettwat mit-tniġġiż tal-arja iżda dan jista’ jinbidel jekk issir il-mina proposta.