Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern ma jistax jibqa’ ċass quddiem it-talbiet li qed isirulu

Anke f’San Ġiljan, wieħed jinnota kif Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista kien minn ta’ quddiemnett biex il-ħajja tal-Ġiljaniżi tkompli miexja ‘l quddiem

Anke f’San Ġiljan, wieħed jista’ jinnota kif Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista kien minn ta’ quddiemnett biex il-ħajja tal-Ġiljaniżi tkompli miexja ‘l quddiem.

Ladarba l-komunità qed tinbidel b’mod mgħaġġel, il-Gvern ma jistax jibqa’ ċass għat-talbiet li qed isirulu. Kien dan l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Arian Delia fi tmiem żjara li saret lill-komunità kummerċjali fiż-żona tal-Balluta.

Hu nnota kif iż-żona ta’ San Ġiljan kienet fost dawk li ntlaqtu sew mill-maltemp ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda. Madankollu, seta’ jinnota wkoll l-element komunitarju meta diversi sajjieda għenu lill-Ġiljaniżi li setgħu sofrew kwalunkwe forma ta’ telf.

Min-naħa l-oħra, Adrian Delia fakkar kif b’maġġoranza mmexxija mill-Partit Nazzjonalista, il-Kunsill ta’ San Ġiljan wettaq għadd ta’ proġetti u għadu qed jaħdem fuq progetti oħrajn, fosthom il-pjan biex il-Pjazza ta’ Spinola tinbidel minn roundabout għal pjazza li tixraq lil din il-lokalità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ l-problema tat-traffiku u l-parkeġġ, li tibqa’ problema kbira li diffiċli tkun solvuta. Madankollu, in-nuqqas ta’ pjanar mill-Gvern qed iħalli impatt akbar.

Hu żar u sellem ukoll lill-Pulizija stazzjonati fl-Għassa ta’ San Ġiljan, li minkejja l-limitazzjoni fir-riżorsi, jagħmlu l-mirakli u l-impossibbli, partikolarment fil-ħidma tagħhom fiż-żona ta’ Paceville.

Adrian Delia kompla li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tenfasizza biex isir aktar investiment b’risq il-membri tal-Korp.

B’referenza għad-diversi proġetti ta’ żvilupp li qed isiru f’San Ġiljan u l-lokalitajiet tal-madwar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-iżvilupp irid isir iżda mingħajr ma tkun fgata l-lokalità.

Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, il-President tal-Kunsill Ġenerali u Membru Parlamentari Kristy Debono, il-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan u Kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.