Meta kien qed jitkellem dwar l-Avviż Legali dwar it-Trasferiment tal-Qbiela d-Deputat id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dak li wiegħed il-Gvern ma wettqux. Fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista tal-2013 kien wiegħed trasferiment bejn l-aħwa u ma wettaqhiex.
Mhux talli hekk talli saħansitra ried ibiddel il-liġi u kien se jħalli l-aħwa barra xorta. Il-Partit Nazzjonalista fil-Manifest Elettorali tiegħu tal-2017 wiegħed trasferiment aħjar tal-qbiela. Il-kelliem qal li qegħdin nitkellmu fuq qbiela u artijiet tal-Gvern biss u din ma tapplikax għal dawk l-artijiet li huma tal-privat.
“Għaliex aħna kostruttivi, għandna proposti li qed inressqu biex il-Gvern jikkunsidrhom ħalli ntejbu din il-liġi. Qegħdin nipproponu li l-qbiela li tgħaddi għand il-bdiewa żgħażagħ tapplika għal dawk li jkunu temmew l-istudji tagħhom f’dawn l-aħħar 10 snin minflok ħames snin, kif ippropona l-Gvern.
“Ir-rati preferenzjali għandhom jingħataw sa 10 snin ukoll u mhux sa ħames snin. Is-settur tal-biedja huwa wieħed li minħabba d-diffikulta’ tiegħu, mhux jattira żgħażagħ ġodda lejh. Niltaqa’ ma bdiewa kbar fl-eta’ li jgħiduli t-tfal tagħhom ma jridux ikomplu l-biedja-qed imorru għall-professjonijiet aktar “mainstream”, min għal avukat, inġinier, tabib, perit eċċ, qal Callus.
Kompla li r-realta’ li qed ngħixu fiha hija tal-biki. M’għandhomx min jaħdmilhom l-art u forsi jgħadduha lil ħuthom jew bidwi li jkun għadu iktar f’saħħtu minnu biex jaħdimha hu. Għamel appell lill-Gvern li jekk hemm punti mill-proposti tal-PN li ma jaqbilx magħhom, minflok jiċħad il-punti kollha, għallinqas jaċċetta dawk li jaqbel magħhom
Id-Deputat Nazzjonalista qal li hij ħasra li r-reazzjoni minn-naħa tal-Gvern għall-mozzjoni tagħha kienet waħda li donna ma tagħtix lok ghall-diskussjoni, donnu jew kollox kif irid il-Gvern jew xejn
Callus tenna li l-punti li ressqet l-Oppożizzjoni saru, “wara li ltqajna mal-bdiewa fil-kostitwenzi tagħna – uħud minnhom ġew għandna huma jgħidulna biex nikkontestaw din il-liġi għaliex ħadu qata meta semgħu li l-art titgħadda biss sa sena mill-mewt tal-aħħar kerrej.
“Meta din ilha mwegħda minn 2013 – l-Gvern irid biss jaċċetta applikazzjonijiet sa sena ilu! Dan mhux gust – u nispera li dan mhux qed isir ħalli numru sostanzjali ta’ raba’ tispiċċa għand il-Gvern biex imbagħad itiha lil min irid.
“Ressaqna din il-mozzjoni b’sens ta’ onesta u dover lejn dawk il-bdiewa li huma kostitwenti tagħna. Fid-distrett tiegħi Siġġiewi Ħal Qormi u Ħal Luqa jgħixu mijiet ta’ bdiewa u mgħandhix dubbju li dawk li qed isegwuna jafu li dak li qed tgħid din in-naħa huwa minnu”.
//= $special ?>