Ambjent Lokali

“L-ambjent hu priorità” – PN

Il-Partit Nazzjonalista bi proposti konkreti

Il-Partit Nazzjonalista għandu lista ta’ proposti konkreti għal dak li jirriggwarda l-qasam ambjentali wara l-konklużjonijiet tar-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent. Dan għaliex l-ambjent hu priorità.

Fost il-proposti li għamel il-Partit hemm:

  • Investiment u infurzar aħjar min-naħa tal-gvern
  • Ninċentivaw in-negozji ġodda fl-ekonomija ċirkolari
  • Inwaqqfu fond għall-innovazzjoni ekoloġika biex inkunu innovattivi u nadattaw it-teknoloġiji ekoloġiċi għall-kuntest Malti b’mod speċifiku
  • Għassa Ambjentali — naraw li jsir infurzar effettiv f’ċerti oqsma bħall-kostruzzjoni, l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u t-tniġġis tal-baħar
  • Green community officers b’awtorità ambjentali
  • Ninvolvu aktar lill-komunità fil-ħarsien ambjentali
  • Ninċentivaw lir-residenti biex jipparteċipaw f’attivitajiet ekoloġiċi, pereżempju b’fondi lokali għal skemi tat-tħawwil tas-siġar, attivitajiet fil-komunità, eċċ.
  • Inżidu d-disponibbiltà ta’ opportunitajiet akkademiċi fil-livell terzjarju għal riċerka, edukazzjoni u pubblikazzjonijiet
  • Innaqqsu l-burokrazija u r-rekwiżiti minn fuq għal isfel għall-NGOs ambjentali u għal esponenti oħra tas-soċjetà ċivili (eż. artisti, akkademiċi) għal opportunitajiet ta’ finanzjament ekoloġiku.
    Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali għandu jsir il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Sostenibbli
  • Settur pubbliku ekoloġiku
  • Implimentazzjoni ċara biex l-entitajiet u l-binjiet kollha tal-gvern ikunu jiffunzjonaw mingħajr karbonju
  • Ikun żgurat li tiġi implimentata l-iskema tal-Mexxejja Ambjentali (Green Leaders): kull entità governattiva jkollha uffiċjal responsabbli għall-inizjattivi ekoloġiċi.
  • Insaħħu l-klawżola dwar l-akkwist ekoloġiku (il-green procurement) fil-kuntratti pubbliċi
  • L-ekoloġizzazzjoni ssir obbligu għall-proġetti tal-iżvilupp tas-settur pubbliku
  • L-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fis-settur pubbliku kollu taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru
  • Unjoni Ewropea li tagħti widen għall-ħtiġijiet tal-gżejjer żgħar
  • Inwettqu monitoraġġ u rappurtar aħjar tal-istandards ambjentali biex niżguraw applikazzjoni aħjar tad-Direttivi tal-UE
  • Il-gżejjer żgħar jeħtieġu klawżoli speċjali biex jipproteġu l-ambjent u biex itejbu s-sostenibbiltà. Pereżempju l-obbligu li jsiru Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali jeħtieġ ikun japplika wkoll għall-iżviluppi fuq skala żgħira b’impatti kumulattivi fuq il-lokalitajiet

Dawn il-proposti tressqu mill-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali minn David Agius, Viċi Kap tal-Partit, Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u Michael Briguglio, Kandidat tal-Partit Nazzjnalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej, flimkien mal-Kandidati għall-Kunsilli Lokali, l-avukati Roberta Bonello u Janice Chetcuti.

Michael Briguglio qal li mhux talli Malta mhux l-aqwa fl-Ewropa f’dan il-qasam, iżda talli tinsab fl-aħħar pożizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mmaniġġjar tal-iskart – jiġifieri flok l-aqwa, qegħdin l-għar fl-Ewropa.