Lokali

Il-Prim Imħallef Emeritus Giuseppe Mifsud Bonnici jingħata l-Aħħar Tislima

Knisja mimlija biex tingħata l-Aħħar Tislima lil raġel imżewwaq bil-fidi, f’ċelebrazzjoni ta’ ħajja mimlija fidi.

Hekk qal l-Isqof Awżiljarju, Monsinjur Joseph Galea Curmi, waqt Quddiesa Kkonċelebrata minnu stess fil-Bażilika ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu fil-Belt, fejn inghatat l-Aħħar Tislima lill-Prim Imħallef Emeritus Giuseppe Mifsud Bonnici.

Monsinjur Galea Curmi, li jiġi wkoll qarib tal-Prim Imħallef Emeritus, qal li kienet dejjem il-fidi li ggwidat lill-Professur Mifsud Bonnici u hu għamel dan mingħajr mistħija jew sens ta’ inferjorità.

Appella lil dawk preżenti bex jitolbu lill-Mulej ħalli jkattar fihom il-fidi bħalma kellu Giuseppe Mifsud Bonnici. Hu kien jagħraf li għandu bżonn il-ħniena ta’ Alla, filwaqt li b’intelliġenza kien kapaċi jħaddem it-talenti li tah Alla b’servizz għall-bniedem u s-soċjetà.

Għax dejjem ħadem b’servizz lejn il-bniedem u s-soċjetà, f’ħajtu, il-Prim Imħallef Emeritus ta xhieda bil-fidi. L-Isqof Awżiljarju qal li Giuseppe Mifsud Bonnici għex għall-Familja, b’dawk qrib tiegħu irreċiprokaw bl-imħabba tagħhom.

Preżenti għall-Quddiesa Kkonċelebrata, kien hemm ukoll fost l-oħrajn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-President ta’ Malta u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Preżenti wkoll il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici, li jiġi ħu Giuseppe, kif ukoll għadd ta’ Deputati Parlamentari, Kandidati u esponenti politiċi oħra miż-żewġ naħat tal-Kamra.