Futbol Sport

Ir-referee Taljan Rosario Abisso sospiż

Id-deċiżjoni li jordna penalty lil Fiorentina fil-ħin miżjud kontra Inter il-Ħadd li għadda, jidher li swiet qares għar-referee Taljan Rosario Abisso hekk kif ingħata sospensjoni ta’ madwar xahar. Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu wkoll li r-referee minn Palermo mhux se jikkontrolla aktar logħbiet ta’ Inter f’dan l-istaġun.

F’logħba fejn il-VAR intużat diversi drabi, Abisso ordna penalty fis-96 minuta wara li ġġudika li l-ballun ħabat ma’ id Danilo D’Ambrosio wara passaġġ ta’ Federico Chiesa.

F’dik l-azzjoni wara protesti mill-plejers ta’ Inter kif ukoll minħabba nuqqas ta’ kjarifika mill-persuni nkarigati mill-VAR, Abisso mar isegwi l-azzjoni. Minkejja li mir-ripetizzjonijiet deher li l-ballun ħabat ma’ sider D’Ambrosio, Abisso żamm mad-deċiżjoni oriġinali u ordna l-penalty li minnu Jordan Veretout għamel l-iskor 3-3.

L-Amministratur Delegat ta’ Inter Giuseppe Marotta qal li jittama li dan l-iżball ma jkunx fatali għal Inter fi tmiem l-istaġun. Abisso kellu laqgħa mal-Kap tar-Referees Nicola Rizzoli fejn kien ikkomunikat lilu d-deċiżjoni. Hu mistenni jirritorna fis-29 ġurnata tas-Serie A fl-aħħar ta’ Marzu jew l-Erbgħa 3 ta’ April.