Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, wiegħdet li d-deputati f’Londra se jingħataw vot dwar id-dewmien potenzjali tal-Brexit f’każ li huma, ix-xahar id-dieħel, jiċħdu għall-ftehim tagħha ma’ Brussell għall-ħruġ ta’ pajjiżha mill-Unjoni Ewropea. F’każ li d-deputati jibqgħu jirrifjutaw dan il-ftehim, huma, imbagħad, għandhom jingħataw l-għażla li jiċħdu għal proċess ta’ Brexit mingħajr ftehim konkret mal-Unjoni.
Theresa May ħarġet b’dawn il-wiegħdet waqt stqarrija dwar Brexit u meta hi kienet qed tikkonfronta rewwixta mill-Ministri tagħha li ma jridux joħorġu mill-Unjoni.
Fis-sigħat preċedenti, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien ippropona tieni referendum dwar Brexit, bil-Kap tal-partit, Jeremy Corbyn, jinsisti li referendum ġdid ‘għandu juri tassew x’irid il-poplu Brittaniku’. Dan ukoll bil-għan li l-prospett ta’ ‘no-deal Brexit’ ma jiġix ikkunsidrat.
Intant, Theresa May, issa, beħsiebha tressaq il-ftehim tagħha għall-Brexit — li jinkludi kwalunkwe bidliet li hi qablet dwarhom mal-Unjoni — għal vot kruċjali fit-12 ta’ Marzu. Jekk il-vot ma jgħaddix, id-deputati f’Londra jkunu offruti żewġ voti separati – bl-ewwel isir fit-13 ta’ Marzu dwar jekk id-deputati jappoġġjawx il-ħruġ mingħajr ftehim mill-Unjoni fid-29 ta’ Marzu. Jekk il-vot ifalli, id-deputati, l-għada stess, jingħataw vot ieħor dwar jekk tintalabx estensjoni għall-proċess tan-negozjati (fuq sentejn) magħruf bħala Artiklu 50 biex il-Brexit ikun pospost ‘il hinn mid-29 ta’ Marzu.
Il-Prim Ministru May għamlitha ċara li ma tridx tara estensjoni ta’ Artiklu 50 u, fil-Parlament, enfasizzat li l-House of Commons għandu jikkonċentra fuq il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ Brussell bil-għan li l-Brexit isir realtà fl-aħħar ta’ Marzu.
May spjegat li estensjoni tal-proċess ‘il hinn minn Ġunju għandha tfisser li r-Renju Unit, imbagħad, jispiċċa jieħu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew – u fejn insistiet li ‘dan mhux il-messaġġ li jrid jingħata lill-aktar minn 17-il miljun Britanniku li, kważi tlett snin ilu, ivvutaw biex iħallu l-Unjoni’.
//= $special ?>

