Lokali

Kuntrattur Sqalli jallega li kien aggredit mill-Pulizija f’Malta

Kuntrattur Sqalli, li ilu jaħdem Malta fil-kostruzzjoni għal dawn l-aħħar tliet snin, qed jallega li kien aggredit mill-Pulizija f’Malta.

Matul il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd, xi persuna jew persuni taw in-nar lill-vetturi tal-imprenditur li kienu jinsabu f’Ħaż-Żebbuġ. Meta r-raġel, Fabrizio Scire’, mar fuq il-post sab 8 pulizija”. Skont kif rappurtat mill-portal Sqalli Siracusa News u kif allegat minnu stess fuq post fuq Facebook, malli talabhom jgħinuh biex ineħħi vetturi li ma kienux milquta min-nirien, Scire’ qal li ġie aggredit mill-Pulizija mingħajr ebda raġuni.

Il-portal Sqalli xandar ukoll filmat fejn f’ħin minnhom, ir-raġel jidher qed jissara mal-Pulizija.

Fuq Facebook, Fabrizio Scire’ tella’ ritratti tiegħu u ta’ ibnu fejn jidher li kellu qata’ f’xofftu u fl-iskutella ta’ rasu. Hu kiteb “ħarquli l-vetturi u jien u ibni spiċċajna aggrediti minn 8 pulizija. Qal li għandu filmati kemm tal-allegata aggressjoni, li fil-fatt kien ippubblikat mill-portal sqalli u tal-persuna li allegatament tat in-nar lill-inġenji tiegħu.

Siracusa News jirrapporta li Scire’ għamel rapport kemm f’Malta kif ukoll lill-Avukat tiegħu fl-Italja. Qal li l-Ambaxxata Taljana, il-Gvern Malti u l-Ministeru tal-Intern kif ukoll l-ogħla uffiċjali tal-Pulizija kienu infurmati b’dan il-każ.

Net News ikkuntattja lill-Korp tal-Pulizija sabiex ikollna l-verżjoni tal-Korp mill-iktar fis possibbli