Internazzjonali

L-Iran: Jirriżenja Ministru ewlieni fost ‘kritika’ għad-diplomazija ta’ pajjiżu

Mohammad Javad Zarif, li fl-aħħar sigħat ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran, qal li d-diplomazija ta’ pajjiżu spiċċat ‘ivvelenata’ mid-diżgwid intern kif ukoll mill-ġlied bejn gruppi (Iranjani) rivali.

Il-kummenti dwar id-diplomazija ngħataw f’intervista lil gazzetta li saret qabel ħarġet l-aħbar dwar ir-riżenja. Sadanittant, il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, fl-aħħar sigħat, ma deherx lest li jaċċetta formalment ir-riżenja ta’ Zarif u fejn, waqt diskors minn fuq il-mezzi tax-xandir, ma rreferiex għall-aħħar żviluppi.

Fil-fatt, Rouhani faħħar lil Zarif ‘għar-reżistenza kif ukoll għall-kapaċitajiet tiegħu’ waqt li innota li l-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, ‘kien irringrazzja b’mod espliċitu lil Zarif u lill-ministeru tiegħu għall-għajnuna li ngħata matul il-gwerra ċivili Sirjana’.

Il-konservattivi fl-Iran ilhom jikkritikaw lil Zarif dwar ir-rwol tiegħu fin-negozjati dwar il-ftehim nukleari tal-Istat Iżlamiku mal-potenzi tad-dinja, fl-2015.

Iżda l-maġġoranza tad-deputati fil-Parlament Iranjan, fl-aħħar ħinijiet, iffirmaw ittra lill-President fejn talbu biex Zarif jibqa’ iżomm il-kariga. Dan wara li Zarif, fil-lejl tat-Tnejn, ħabbar ir-riżenja fuq l-Instagram, mingħajr ma provda spjegazzjoni għad-deċiżjoni li ħa. Intant, Javad Zarif anki ‘talab apoloġija għan-nuqqasijiet u l-iżbalji tiegħu waqt li fil-kariga’.

Madankollu, is-sorsi qrib il-President Iranjan, fl-aħħar minuti, indikaw li Rouhani jista’, fl-aħħarnett, jirrifjuta r-riżenja ta’ Zarif. Uħud qalu wkoll li l-President jinsab ‘sodisfatt’ bir-rekord ta’ Zarif waqt li jikkunsidrah bħala’l-aħjar uffiċjal għal dan ir-rwol’.