Lazio u Milan spiċċaw fi draw ta’ 0-0 fi Stadio Olimpico fl-ewwel leg tas-semifinali tal-Coppa Italia. Dan ir-riżultat kien simili għal dak li seħħ fis-semifinali bejn it-tnejn, bid-differenza li l-ewwel leg kienet intlagħbe f’San Siro. Il-Biancocelesti kienu l-aktar tim avventuruż b’diversi okkażjonijiet ta’ skor iżda ma kinux preċiżi. Milan jistgħu jqisu dan ir-riżultat bħala pożittiv, għalkemm bi draw bil-gowls ikunu eliminati.
Patric mar viċin fil-25 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra, biex żewġ minuti wara Ciro Immobile falla ċans tad-deheb meta xeħet barra minn pożizzjoni ċentrali f’nofs il-kaxxa l-kbira. Fis-37 minuta prova Sergej Milinkovic-Savic b’xutt minn barra l-kaxxa li wkoll spiċċa ftit barra.
Il-pressjoni ta’ Lazio żdiedet fit-tieni taqsima. L-aħjar ċans tagħhom seħħ fit-80 minuta meta Immobile rċieva ballun fit-tul f’kontrattakk, avvanza iżda x-xutt finali ħabat mal-lasta l-wieqfa, bl-assistent referee jgħolli l-bandiera għal offside wara x-xutt.
//= $special ?>