Għada, f’Hanoi, jiftaħ it-tieni summit bejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un — bil-programm isegwi l-ewwel rawnd ta’ taħditiet storiċi bejn il-Mexxejja li saru f’Ġunju li għadda f’Singapore.
Kim Jong-un wasal fil-Vjetnam sigħat ilu, wara vjaġġ twil bil-ferrovija li wasslitu fl-istazzjon ta’ Dong Dang. Il-vjaġġ minn Pyongyang lejn il-Vjetnam dam aktar minn jumejn, bil-ferrovija tgħaddi wkoll miċ-Ċina, filwaqt li kopriet distanza ta’ 4,000 kilometru.
Il-fatt li Kim ma qabadx ajruplan lejn il-Vjetnam qed jidher bħala pass simboliku meta hu xtaq jimita l-passi ta’ nannuh, Kim Il-sung ( l-ewwel mexxej tal-Korea ta’ Fuq) li, ħafna snin ilu, kien ivvjaġġa bil-ferrovija għal żjarat fil-Vjetnam u l-Ewropa tal-Lvant.
Intant, Donald Trump għażel li jmur Hanoi bl-ajruplan presidenzjali Air Force One li telaq mill-bażi ta’ Andrews, f’Maryland. Il-President Amerikan, fil-fatt, wasal fil-Vjetnam ftit tal-ħin ilu.
Mal-wasla tiegħu fl-istazzjon ta’ Dong Dang, Kim Jong-un ittieħed bil-karozza lejn Hanoi fejn kien hemm preżenza kbira ta’ sigurtà u nies armati bil-bnadar biex jagħtuh merħba. Jaħsbu li Kim Jong-un qed jivvjaġġa flimkien ma’ oħtu, Kim Yo-jong u n-negozjatur ewlieni ( u eks-Ġeneral tal-Armata) Kim Yong-chol, li kienu involuti fl-ewwel summit.
Fl-aħħar sigħat bdew deħlin rapporti dwar il-programm tas-summit, meta Trump u Kim Jong-un se jiltaqgħu, għada, għal taħditiet qosra ‘ta’ bejniethom’ qabel jattendu għal pranzu flimkien mal-konsulenti rispettivi. Is-‘sustanza’ tas-summit mistennija għall-Ħamis, meta Kim u Trump ikunu involuti f’sensiela ta’ laqgħat f’Hanoi, bil-għan li huma ‘jibnu’ fuq dak li ħareġ mis-summit ta’ Singapore, f’Ġunju.
L-ewwel summit kien ipproduċa ftehim vag, biż-żewġ mexxejja jaqblu biex jaħdmu lejn id-denuklearizzazzjoni tal-Korea ta’ Fuq – għalkemm l-impenji relatati qatt ma kienu mfissra b’mod ċar. Fl-istess ħin sar ftit li xejn progress diplomatiku wara t-taħditiet tas-sena l-oħra f’Singapore.
//= $special ?>

