Futbol Sport

Marco Silva u Everton jinsabu taħt pressjoni

(Ritratt: Premier League)

Fis-sajf li għadda, Everton għamlu investiment sinifikanti biex jippruvaw jgħollu l-livell tat-tim u jkunu eqreb is-sitt timijiet il-kbar. Iżda wara 27 logħba, l-affarijiet huma totalment differenti, hekk kif jinsabu 17-il punt bogħod mis-sitt post u preżentament jinsabu fil-11-il post.

Everton ġejjin minn erba’ telfiet fl-aħħar ħames logħbiet u din is-serje negattiva qed twassal biex tiżdied il-pressjoni fuq Marco Silva li donnu ma jistax jibdel ir-rotta tat-tim. L-avversarji tagħhom huma Cardiff, tim li qed jissielet kontra r-relegazzjoni. Huma ġejjin minn telfa f’darhom ta’ 5-1 kontra Watford li ħassret iż-żewġ rebħiet konsekuttivi preċedenti.

Jekk f’każ ta’ telfa oħra tista’ tittieħed deċiżjoni fuq il-futur ta’ Silva, Leicester diġà għamlu dan hekk kif il-Ħadd ħabbru li neħħew lil Claude Puel mill-kariga. Leicester jinsabu punt wara Everton fit-12-il post u kisbu biss punt fl-aħħar sitt logħbiet, bl-aħħar rebħa tmur lura fl-1 ta’ Jannar proprju kontra Everton. L-avversarji tagħhom Brighton ukoll ġejjin minn perjodu ħażin u jinsabu biss tliet punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni wara serje negattiva. Fil-fatt fl-2019, Brighton għadhom ma kisbux rebħa b’żewġ draws u erba’ telfiet minn dakinhar.

Leicester qed ifittxu manager bħalissa u wieħed minn dawk li jidher li huma interessati fih hu Rafa Benitez, li attwalment jinsab ma’ Newcastle. Il-Magpies dawru l-forma tagħhom fl-aħħar logħbiet u fl-aħħar ħames konfronti kisbu 10 punti biex inqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni.

Jekk Newcastle se jkunu f’darhom u jinsabu f’forma tajba, daqstant ieħor huma Burnley. Fil-bidu tal-istaġun, Burnley dehru li mill-parteċipazzjoni fl-Europa League, setgħu jispiċċaw relegati, iżda fl-aħħar xahrejn it-tim ta’ Sean Dyche deher li qisu t-tim li s-sena l-oħra. Huma ilhom tmien logħbiet bla telfa fil-kampjonat, b’ħames rebħiet u tliet draws, inkluża r-rebħa ta’ 2-1 fuq Tottenham is-Sibt li għadda.

Jekk hemm tim li qed ikollu kampjonat tajjeb huma Wolves li bħala tim promoss diġà assigura ruħu li staġun ieħor jerġa’ jilgħab fil-Premier League. It-tim ta’ Nuno Espirito Santo kompla juri logħob pożittiv u apparti li avvanzaw mal-aħħar tmienja tal-FA Cup, fl-aħħar ħames logħbiet mhumiex megħluba u kisbu 11-il punt.

Huma jibdew favoriti li jirbħu kontra Huddersfield li huma destinati għar-relegazzjoni u ilhom mill-25 ta’ Novembru ma jiksbu rebħa. Iżda din ir-rebħa waslet proprju kontra Wolves barra minn darhom u għalhekk ma jridux jieħdu l-logħba faċilment.

Premier League – Illum: Cardiff v Everton 8.45pm. Huddersfield v Wolves 8.45pm, Leicester v Brighton 8.45pm. Newcastle v Burnley 9.00pm. Għada: Arsenal v Bournemouth 8.45pm, Southampton v Fulham 8.45pm, Chelsea v Tottenham 9.00pm, C. Palace v Man United 9.00pm, Liverpool v Watford 9.00pm, Man City v West Ham   9.00pm