Futbol Sport

Milan u Lazio jissieltu kontra xulxin fl-ewwel leg tas-semifinali tal-Coppa Italia

(Ritratt: EPA)

Milan jittamaw li jkomplu l-forma pożittiva riċenti hekk kif illum jilagħbu fi Stadio Olimpico kontra Lazio fl-ewwel leg tal-Coppa Italia. Riżultati f’Diċembru li dehru li setgħu jiddeċiedu l-futur tal-kowċ Gennaro Gattuso, inbidlu f’riżultati pożittivi f’Jannar, bl-akkwisti ta’ Lucas Paquetà u Krzysztof Piatek iħallu l-effett mixtieq mill-ewwel.

Ir-Rossoneri telgħu fir-raba’ post fil-kampjonat u jinsabu żewġ punti biss taħt Inter. Fis-Serie A kisbu erba’ rebħiet u żewġ draws minn Jannar u avvanzaw għas-semifinali tal-Coppa Italia. Lazio fuq in-naħa l-oħra, kisbu biss żewġ rebħiet minn ħames logħbiet, b’telfiet kontra Napoli, Juventus u Genoa u niżlu fis-sitt post seba’ punti taħt Milan, għalkemm b’logħba anqas.

Iż-żewġ timijiet ħadu sehem fl-Europa League f’dan l-istaġun iżda kienu t-tnejn eliminati u għalhekk qed iħarsu lejn din il-kompetizzjoni bħala mira realistika għas-suċċess f’dan l-istaġun hekk kif anki hemm Juventus, Napoli u Inter barra mill-kompetizzjoni.