Id-drittijiet il-ġodda li tfasslu fid-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol issa jinsabu fl-aħħar stadji biex dawn jiġu approvati bħala liġi, hekk kif ftit tal-ħin ilu, l-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjiegi u l-Affarijist Soċjali approva, b’maġġoranza kbira, l-ftehim li l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa kien innegozja mal-Gvernijiet. Fil-vot, kien hemm 31 MEP li vvutaw favur, u 3 biss li vvutaw kontra din id-Direttiva.
Fi stqarrija wara li ttieħedet il-vot, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Din il-liġi tal-UE tfisser investiment dirett fiċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Hu pożittiv ferm li rnexxielna nassiguraw maġġoranza b’saħħitha fil-Kumitat, u dan jawgura tajjeb għall-vot finali li mistenni jsir ftit ġimgħat oħra fi Strasburgu.” Wara l-vot finali, l-Istati Membri jkollhom tliet snin biex idaħħlu d-drittijiet fil-fil-liġijiet tagħhom.
Id-Direttiva se tintroduċi 10 t’ijiem ta’ leave imħallas għall-missirijiet, u mill-4 xhur ta’ parental leave, kull ġenitur jitħallas ta’ xahrejn, u li ma jkunux trasferibbli. Din il-liġi se tiprovdi wkoll 5 t’ijiem ta’ leave fis-sens magħruf bħala carers’ leave, u d-dritt li jintalbu arranġamenti ta’ ħidma flessibbli.
David Casa qal ukoll: “Din id-Direttiva hi l-ewwel waħda konkreta tal-pilastru soċjali tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, taħt ir-responsabiltà tal-Kummissarji Marianne Thyssen u Věra Jourová. Hija liġi li tindirizza l-ugwaljanza tas-sessi, wara 10 snin fejn ma sar xejn fuq dan is-suġġett. Hi wkoll pass ieħor biex l-Ewropa ssir aktar soċjali.”
Hu sostna li Malta hi waħda mill-Istati Membri li se tibbenefika mill-introduzzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet f’din id-direttiva. F’dan ir-rigward, qal Casa, aħna għadna lura meta mqabbel ma’ Stati Membri oħra. “Id-Direttiva se jkollha rwol importanti biex titnaqqas id-differenza bejn il-ħaddiema nisa u rġiel, kif ukoll fl-iżbilanċ fil-pagi u fil-pensjonijiet. Dawn id-drittijiet għandha jitqiesu bħala servizzi soċjali u l-ispiża għandu jġorrha l-Gvern, speċjalment biex jipprevjeni tfixkil fl-immedjat lin-negozji, b’mod partikolari lill-SMEs,” temm jgħid David Casa.
Il-Ħadd li għadda, fid-diskors tiegħu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar din id-direttiva u spjega kif, bil-politika tiegħu, l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
//= $special ?>