Tlettax-il ċittadin Franċiż akkużati b’li ġġieldu spalla ma’ spalla mal-ISIS se jgħaddu minn proċess fl-Iraq minflok jiffaċċjaw sensiela ta’ akkużi fi Franza. Dawn il-Franċiżi se jkunu proċessati għal reati terroristiċi li jistgħu jġorru l-piena kapitali taħt il-liġi tal-Iraq.
Il-President Iraqi, Barham Saleh, qal li qawwiet Kurdi Sirjani kienu għaddew lit-tlettax f’idejn l-awtoritajiet Iraqqin matul ix-xahar li għadda. Intant, il-President Franċiż, Emmanuel Macron ma kkummentax fuq l-iżvilupp li fissru bħala ‘kwistjoni sovrana tal-Iraq’.
L-aħbar, iżda, hi wkoll sinifikanti meta diversi pajjiżi tal-Punent qegħdin jikkunsidraw x’għandu jsir mill-allegati militanti li jirritornaw mis-Sirja.
Ir-Renju Unit, il-Belġju, l-Olanda u l-Istati Uniti kollha qed jiddeċiedu jekk jippermettux ir-ritorn ta’ ċittadini li kienu telqu biex jiġġieldu għall-ISIS – u bil-possibbiltà li dawn iċ-ċittadini, imbagħad, jiffaċċjaw proċessi tal-qorti.
//= $special ?>

