Lokali Parlament

Rabta familjari minn ġenerazzjonijiet passati m’għandhiex tispiċċa fix-xejn

“F’ħafna każijiet dan ir-raba’ ilu għaddej minn ġenerazzjoni għal oħra għal numru kbir ta’ snin u tkun inħolqot rabta bejn il-familja u r-raba’ li diffiċli wieħed jimmaġina li din ir-rabta tispiċċa jew tinġieb fix-xejn. Biżżejjed wieħed jara kif inhu magħruf ħafna mir-raba’… ħafna raba’ huwa magħruf bil-laqam tal-familja jew li nkella n-nies jirreferu għalih bħalha ta’ familja parikolari anke jekk fil-verità dan ikun raba’ tal-Gvern, iġifieri għelieqi li huma proprjetà pubblika però mikrija lill-privat b’titolu ta’ qbiela”.

Dan ħareġ mid-diskors li għamel id-Deputat Nazzjonalista l-Avukat Karol Aquilina meta kien qed jitkellem dwar il-mozzjoni biex jiġi emendat l-Avviż Legali 438 tal-2018 li jdaħħal fis-seħħ ir-Regolamenti tal-2018 dwar Art Agrikola Proprjetà tal-Gvern.

Tenna li l-mozzjoni li għandna quddiemna llum hija mozzjoni li hija ntuża li temenda r-regolament li ppreżenta l-Gvern dwar l-art agrikola… iġifieri raba’… iġiferi għelieqi… u li huma mikrija… mogħtija b’titolu ta’ qbiela lil persuni privati.

“Jiena nemmen li din is-sistema ta’ għoti ta’ raba’ lill-privat f’pajjiżna, s’issa salvat lill-agrikoltura milli tispiċċa darba għal dejjem minn wiċċ pajjiżna u kienet għadha u tibqa’ importanti ħafna għall-ħarsien tal-ambjent rurali ta’ pajjiżna.

EMENDA GĦAR-REGOLAMENT 13

“Jiena xtaqt niffoka fuq punt partikolari li jirriżulta minn dan l-Avviż Legali, minn dawn ir-Regolamenti. Qed nirreferi għar-Regolament Nru 13 li jaqra hekk”:

L-Awtorità għandha d-dritt li tirrifjuta u tiċħad kull applikazzjoni li ssir taħt dawn ir-regolamenti fid-diskrezzjoni assoluta tagħha biss. Dik iċ-ċaħda jew rifjut għandha tkun bil-miktub u fiha għandu jkun hemm ir-raġunijiet dettaljati għad-deċiżjoni tagħha.

Il-kelliem qal li mela skont dawn ir-Regolamenti l-Awtorità għandha d-dritt li tieħu deċiżjoni dwar talbiet li jkollha quddiemha taħt dawn ir-Regolamenti. Huwa tajjeb li jingħad b’mod ċar li l-Awtorità trid tagħti raġunijiet dettaljati u bil-miktub għad-deċiżjoni li tkun ħadet iżda dan fil-fehma tal-Oppożizzjoni mhux biżżejjed.

L-Oppożizzjoni qegħda tipproponi emenda f’dan ir-regolament biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Awtorità jkunu jistgħu jiġu appellati minn dik il-persuna li tħossha aggravata. L-emenda li qed tipproponi l-Oppożizzjoni hija sabiex tiżdied din is-sentenza f’dan ir-regolament:

Applikant aggravat bid-deċiżjoni tal-Awtorità jista’ jikkontesta d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità kif previst fl-artikolu 57 tal-Att dwar Artijiet tal-Gvern. Infatti l-Artikolu 57 tal-Att dwar l-Artijiet (Kap. 573 tal-Liġijiet ta’ Malta) jipprovdi li t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva għandu jisma’ u jiddetermina: (a) l-oġġezzjonijiet  magħmula  minn  kull  persuna aggravata b’xi deċiżjoni tal-Awtorità; u

(b) l-oġġezzjonijiet  magħmula  minn  kull  persuna aggravata minn xi att amministrattiv jew xi pieni oħra imposti fuq dik il-persuna mill-Awtorità:

Dr. Aquilina qal li jaħseb li din hija emenda raġjonevoli u intiża biex isserraħ moħħ l-applikanti li huma jistgħu jappellaw mid-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità quddiem it-Tribunal u jekk ikun il-każ quddiem il-Qorti tal-Appell. Qed nipproponu din l-emenda għaliex kif inhi miktub r-regolament 13 jagħti x’jifhem li dan id-dritt ma jeżistix jew li nkella l-Gvern qiegħed jipprova jaħbieh.

“Aħna bħala Oppożizzjoni li d-drittijiet mhux biss ikunu jeżistu fuq il-karta… fl-Avviż Legali… fir-Regolamenti… imma li kull min iħoss li ttieħdet deċiżjoni ħażina jkun jaf li għandu d-dritt jappella minn dik id-deċiżjoni u għaliex ifittex rimedju fil-Qrati ta’ pajjiżna.

“Hija ħasra li l-Gvern dwar kwistjoni daqshekk sensittiva għażel li minflok jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jaqbad u jippubblika Avviż Legali fl-aħħar jiem tas-sena… fi żmien meta kulħadd ikun aljenat…. erbat ijiem qabel il-Milied li għadda”.

Il-Kelliem appella lill-Gvern biex anke f’dan l-istadju li qegħdin fih jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni ta’ kif għandhom jiġu emendati dawn ir-regolament biex iserraħ moħħ l-eluf ta’ bdiewa u familji Maltin u Għawdxin li għandhom raba’ tal-Gvern mqabbel lilhom u li jixtiequ li dan ir-raba’ jgħaddi għandi il-ġenerazzjoni ta’ warajhom u jibqa’ fil-familja mhux biex jispekulaw dwaru iżda biex ikomplu jaħdmuh u jkunu għassiesa tal-ambjent rurali ta’ pajjiżna.