L-aħbar li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna waqa’ 4 postijiet fir-ranking Ewropew għas-saħħa, u li issa jinsab fis-27 post minn 35 pajjiż juri kif il-Gvern m’għandux u qatt ma kellu pjan għas-settur tas-saħħa f’pajjiżna. Minflok il-Gvern ried li mis-settur tas-saħħa wkoll jiggwadanjaw ‘il ftit biex spiċċaw ibatu l-pazjenti.
Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.
Dan ir-riżultat jiżdied mar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li kien ikkonferma kif il-pazjenti qed ikollhom jistennew xhur sħaħ qabel ma jkollhom l-ewwel appuntament fl-isptar u kif oħrajn jiddeċiedu li jirrikorru fl-isptarijiet privati biex jinqdew, b’piż finanzjarju għalihom u l-familji tagħhom.
Dan ikompli jagħti raġun ukoll lil Adrian Delia, li mar il-Qorti biex iġib lura għand in-nies t-tliet sptarijiet li l-Gvern Laburista ta f’deal ħażin lil Vitals, li qatt ma kellhom esperjenza fis-settur tas-saħħa. Il-Gvern Laburista għażel li jagħti wkoll l-uniku sptar f’ Għawdex mingħajr ma ta kas il-bżonnijiet tal-Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif studju tal-Eurostat wera kif il-perċezzjoni tal-infiq fuq il-qasam tas-saħħa fost il-Maltin hi ogħla minn dik tal-medja Ewropea. 14.6% tal-Maltin jaħsbu li l-kura medika hija piż kbir waqt li 56% jaħsbu li hija piż.
Huma l-anzjani u l-pensjonanti l-aktar li qegħdin ibatu meta mhux ilaħħqu bil-pensjoni sabiex jixtru l-affarijiet essenzjali bħalma huma l-mediċini. Dan ikompli jżid mal-impatt tal-għoli tal-ħajja li Gvern tefa’ fuq il-pazjenti u pajjiżna minħabba l-politika tiegħu ibbazata fuq iż-żieda fil-popolazzjoni bla pjan.
//= $special ?>