Lokali

Investigat rapport li għamel Jason Azzopardi wara li rċieva envolope anonimu

Fl-envelope kien hemm droga kokaina

Id-deputat Jason Azzopardi ikkundanna l-attentat viljakk u tat-tqalliegħ għal frame up fuqu meta individwu jew individwi bagħtulu pakkett bid-droga permezz tal-posta. Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa, b’Jason Azzopardi jinsisti li “minn min mingħalih se jintimadani f’ħidmieti ngħidlu li mhux se tgħalquli ħalqi”. Hu qal li b’dak li seħħ “saħħaħtuli r-rieda tiegħi li nagħti kulma għandi biex nibqa’ niġġieled il-qerq u l-ħazen organizzat li herra lil Malta”.

Fi stqarrija Jason Azzopardi qal li l-Ġimgħa li għadda, ġabar kif jagħmel regolarment, il-korrispondenza mir-reception tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. U fost il-korrispondenza kien hemm envelope abjad jidher mibgħut mill-Ġermanja.

“Appena wasalt id-dar jien ftaħt il-korrispondenza li kelli inkluż dan l-envelope. Dan l-envelope, li kellu ismi u l-indirizz tad-Dar Ċentrali kien stampat b’tipi kbar fuq karta żgħira li kienet inkullata mal-envelope abjad. Fih sibt sachet ta’ kulur tal-fidda li kien inkullat ma’ karta A4 bajda li ma kellha ebda kitba fuqha. F’dan is-sachet kien hemm sachet ieħor iżgħar tal-istess kulur u kwalità”.

L-istqarrija tgħid illi fit-tieni sachet, insib trab abjad b’riħa partikolari “li qatt ma kont rajt jew xammejt bħalu”.

Jason Azzopardi qal li “mal-ewwel infurmajt lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u għedtilhom li anke jekk dawn kienu ċirkostanzi li ma kienu qed jagħmlu ebda sens u loġika, jien ridt nagħmel rapport lill-Pulizija għal kull bon fini biex b’hekk inkun nista’ nitlob li ssir inkjesta Maġisterjali li permezz tagħha inkun naf x’kien dan it-trab. It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qablet miegħi mal-ewwel, u hekk għamilt dak il-ħin stess”.

“Għal habta tal-11pm jum il-Ġimgha jien għaddejt lill-Pulizija l-envelope u l-kontenuti tiegħu u bil-lejl stess ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li fetħet inkjesta Maġisterjali. Ftit tal-ħin ilu ġejt infurmat mill-Ispettur Wayne Camilleri tal-Pulizija, li minn hawn irrid nirrngrazzjah għad-dedikazzjoni u serjetà f’ħidmietu, li l-espert kimiku tal-Qorti kkonkluda li dan it-trab kien jikkontjeni l-kokaina”.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ tinsab għaddejja.