Lokali

Bżonn ta’ pjan fit-tul biex il-kirjiet ikunu verament sostenibbli u kulħadd ikollu saqaf fuq rasu – PN

It-tħassib li esprimiet il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija dwar in-nuqqas ta’ sostenibbiltà fis-settur tal-kiri f’pajjiżna huwa tħassib li ilu jitkellem dwaru il-Partit Nazzjonalista u dwar il-bżonn ta’ pjan fit-tul għas-sostenibbilità tal-kirjiet f’Malta.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa minn Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppozizzjoni dwar Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali, Ivan Bartolo.

Pajjiżna bħalissa qed jara theddida soċjali qawwija għall-Maltin li jiddependu fuq il-kiri biex ikollhom saqaf fuq rashom hekk kif il-prezzijiet żdiedu ferm. Hawn familji li qed jaffaċċjaw żiediet fil-kera minn €500 għal €5,000 fis-sena. Iż-żgħażagħ li jridu jibnu familja qed jaraw għafsa qawwija u piż biex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom.

Dan huwa r-riżultat tal-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan u issa ħoloq kriżi għax naqas milli jinvesti f’housing soċjali. Minflok il-Gvern Laburista ried li jaghti art pubblika f’żona strateġika bix-xejn lill-privat għall-ispekulazzjoni u l-bini meta hawn anzjani u negozji żgħar li meta jingħalqilhom iċ-ċens tal-kiri jispiċċaw barra jew b’xejn.

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li jeħtieġ pjan fit-tul għall-housing soċjali biex jiġi żgurat li jkun hawn biżżejjed propjetà u postijiet għall-kiri bi prezzijiet affordabbli. Il-Kap tal-Partit Nazjonalista Adrian Delia issa ilu xhur jitkellem u jenfasizza fuq il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni b’konsultazzjoni ma’ l-istakeholders kollha. Dan għaliex din is-sitwazzjoni tal-kirjiet qed tolqot eluf ta’ familji u ħaddiema, speċjalment lil dawk bi dħul baxx.