Lokali

FILMAT: Anzjan jitlef ħajtu wara li nirien ħakmu residenza fl-Imsida

Żagħżugħ jittieħed l-Isptar wara li sofra ġrieħi gravi

Anzjan ta’ 70 tilef ħajtu wara li kmieni dalgħodu nirien ħakmu residenza fl-Imsida. Wara tfittxija intensiva jidher li l-anzjan intlemaħ permezz ta’ drone li ttella’ biex jgħin fit-tiftix. L-anzjan instab f’xaft tal-blokka tal-appartamenti.

Il-Pulizija kkonfermat ma’ NetNews dan fejn ġie spjegat li l-każ seħħ għall-ħabta tas-7.10am fi Triq Oscar Zammit, viċin il-Junior College. Sorsi mill-post qalulna li n-nirien li żviluppaw kienu qawwija ħafna.

B’kawża tan-nirien żagħżugħ ta’ 25 sena u anzjana ta’ 66 ittieħdu l-isptar Mater Dei. Iż-żagħżugħ sofra ġrieħi gravi. Jidher li kien hemm spluzjoni waqt in-nirien minħabba ċilindru tal-gass.

Fuq il-post marru uffiċjali tal-Pulizija, membri mill-Protezzjoni Ċivili u anke timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Simone Grech.

Id-drone li ntuża għat-tfittxija


Ritratt: Matthew Tabone


Ritratt: Kurt Grech