Futbol Sport

Fiorentina jirkupraw darbtejn minn żvantaġġ fl-ewwel leg tas-semifinali tal-Coppa Italia

(Ritratt: EPA)

Fiorentina evitaw telfa biex spiċċaw 3-3 fi Stadio Artemio Franchi kontra Atalanta. B’dan ir-riżultat huma l-Bergamasci li huma favoriti biex jgħaddu għall-finali.

Atalanta bnew vantaġġ doppju kmieni fil-logħba, l-ewwel b’gowl ta’ Alejandro Gomez fis-16-il minuta li żerżaq il-ballun wara Alban Lafont, biex żewġ minuti wara Mario Pasalic żmarka ruħu biex iltaqa’ ma’ kross mil-lemin u għeleb lil Lafont.

Fiorentina naqqsu d-distakk fit-33 minuta b’azzjoni tajba ta’ Federico Chiesa li seraq ballun min-nofs il-grawnd, avvanza tul il-lasta u għeleb lil Etrit Berisha b’xutt fil-baxx. Huma ġabu d-draw tliet minuti wara b’xutt bid-dawra ta’ Marco Benassi.

Atalanta reġgħu marru fil-vantaġġ fit-58 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Marten de Roon li spiċċa fis-saqaf tax-xibka, iżda Fiorentina reġgħu għamlu l-iskor indaqs fid-79 minuta bi kross ta’ Chiesa lejn Luis Muriel li kompla għal ġewwa mill-viċin.