Lokali

Id-dilettanti tal-Karnival għadhom qed jistennew

L’hekk imsejjaħ villaġġ tal-Karnival suppost se jkun lest is-sena d-dieħla. Dan wara stennija ta’ diversi snin mid-dilettanti tal-Karnival. Filfatt mistoqsija li kienet fuq fomm ħafna minn dawn id-dilettanti…speċjalment f’dawn il-jiem ta’ maltemp… kienet għaliex dan il-villaġġ ma ngħatax lilhom qabel.

Din il-wegħda kienet fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista tal-2013, fejn kien imwiegħed li se jinstab post adegwat biex jinbnew imħażen għal dawn id-dilettanti tal-Karnival. Sitt snin wara… din il-wegħda għadha ma ġietx imwettqa.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu, il-Ministru Owen Bonnici ikkonferma li dan il-progett għadu mhux lest….filwaqt li saħaq li l-proġett imsejjaħ ‘The Malta Carnival Experience’ fil-Marsa għandu jkun konkluż, suppost, sas-sena d-dieħla.

Owen Bonnici sostna li għad fadal żewġ tenders minn sitta li għadhom iridu jiġu aġġudikati. Dan wara li diġà sar xogħol ta’ skavar f’sit arkeoloġiku. fejn twaqqa’ l-garaxx tal-gvern, bil-ħaddiema jiġu rilokati f’post ieħor. Filfatt il-proġett ta’ dan il-villaġġ bħalissa jinsab wieqaf. Dan għaliex għadha ma ħariġx l-aggudication taż-żewġ tenders li baqa’.

Konsegwenza ċara tal-inkonvenjent li ħoloq dan id-dewmien stajna narawh fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Dan meta kawża tal-maltemp qawwi li ħakem lill-gżejjer Maltin, diversi dilettanti tal-Karnival spiċċaw bi ħsarat fil-karrijiet tagħhom fejn saħanistra karru partikolari spiċċa nqered għal kollox. Kieku dawn id-dilettanti kellhom post adegwat fejn setgħu jaħdmu u jħallu l-karrijiet tagħhom, kieku dan kollu seta’ jiġi evitat.

Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet ngħataw dettalji tal-programm tal-Karnival li se jibda fi tmiem din il-ġimgħa.

B’mod partikolari, fil-programm tas-Sibt, se jkun hemm avvenimenti għaddejjin tul il-ġurnata kollha. Dawn jinkludu sfilata tal-kostumi u żfin fi Pjazza Tritoni segwiti bil-Gran Ballu.

Apparti ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta se jkun hemm bosta attivitajiet organizzati mill-kunsilli lokali f’irħula madwar Malta u Għawdex.