Lokali

Il-ħaddiema Torok mhux se jgħixu f’tinda imma se jgħixu fil-kontejners

Mhux se jgħixu f’tinda imma ….se jgħixu fil-kontejners. L-awtorità tal-Ippjanar tikkonferma dak li ilu jgħid dan l-istazzjon – il-ħaddiema Torok qed jinżammu f’barriera fl-Imqabba fejn qed jgħixu f’kontejners li issa qed isejħulhom ‘uffiċini’.

Dan kien konfermat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’risposti li tat lill-ġurnal The Malta Independent.

L-istess Awtorità ftit tal-jiem ilu allegat li ma kienx hemm evidenza ta’ nies li kienu qed jorqdu fit-tined jew fil-kontejners. Iżda dawn kienu qed jagħmlu użu minn strutturi li kienu jintużaw bħala uffiċini. Issa iżda…kif ilu ġimgħat illi żvela Net News…il-kontejners kienu qed jintużaw minn dawn il-ħaddiema Torok biex jorqdu fihom.

Dan l-istazzjoni kien żvela li n-numru ta’ ħaddiema Torok f’pajjizna se jlahhaq madwar 5000. U mhux il-500 li semma il-PM Joseph Muscat nhar il-Ħadd li għadda – se jkunu għaxar darbiet aktar!

Dan l’hekk imsejjaħ ‘villaġġ’ ġol-barriera fil-limiti tal-Imqabba gie pjanat biex jilqa’ fih ħaddiema Torok tal-kostruzzjoni, li qed ikunu impurtati f’pajjiżna u jitħallsu pagi miżeri ta’ 4 ewro u 50ċ fis-siegħa.

Fost l-oħrajn, dawn il-ħaddiema se jkunu qed jaħdmu fuq il-bini ta’ torri ta’ uffiċini fuq is-sit tal-lukanda Fortina f’Tas-Sliema. It-Torok se jkun qed jaħdmu wkoll fuq il-bini tal-estensjoni f’San Vinċenz de Paule… kif ukoll fuq il-proġett tas-City Centre f’San Ġiljan.

Il-wasla ta’ għadd ta’ ħaddiema barranin f’setturi differenti qed joħloq tħassib dwar kif dan qed jeffettwa l-pagi tal-Maltin. Dan għaliex hu fatt magħruf li ħaddiema barranin minn pajjiżi inqas żviluppati minn Malta jaċċettaw pagi u kundizzjonijiet ferm iktar baxxi minn dawk li jistennew il-Maltin… u dan qed jissarraf fiż-żamma ta’ pagi ħbaxxi għall-ħaddiema Maltin.