Internazzjonali

Il-KRIŻI INDJA-PAKISTAN: Tensjoni akbar wara t-twaqqigħ ta’ ajruplani militari

L-awtoritajiet Pakistani qalu li waqqgħu żewġ ajruplani militari tal-Indja u li huma qegħdin iżommu żewġ piloti Indjani li salvaw fl-azzjoni. Intant, l-Indja qalet li tilfet ajruplan wieħed – fighter tat-tip MiG21 – u li pilota tagħha kien jinsab nieqes.

Ir-rapport tal-Pakistan ingħata wara li sorsi f’Islamabad kienu qalu li l-ajruplani tal-gwerra tagħhom ‘laqtu l-miri fit-territorju tal-Indja’. L-awtoritajiet Indjani, imbagħad, wieġbu fis-sens li l-ajruplani tal-Pakistan ‘kienu mġiegħlha jirtiraw’.

L-aħħar żviluppi – li segwew attakki mill-ajru preċedenti tal-Indja fuq militanti fl-artijiet Pakistani –komplew jirrankaw it-tensjoni bejn il-ġirien nukleari dwar Kashmir. Dan meta l-Indja u l-Pakistan it-tnejn qegħdin jinsistu bid-dritt għall-kontroll tar-reġjun sħiħ, meta huma, fil-preżent, qed jamministraw biss partijiet minnu.

L-Indja u l-Pakistan iġġieldu tliet gwerer mindu kisbu l-indipendenza mir-Renju Unit, fl-1947. Wieħed biss minn dawn il-gwerer ma kienx jitratta l-issue ta’ Kashmir u l-Prim Ministru Pakistani, Imran Khan, issa tkellem dwar is-sitwazzjoni fejn wissa li ‘illum l-ebda pajjiż ma jaffordja pass ħażin meta wieħed iqis it-tip ta’ armamenti li (l-Indja u l-Pakistan) jistgħu jirrikorru għalihom’.

L-aħħar azzjonijiet tal-ajru fiz-zona tal-Linja ta’ Kontroll – li tissepara t-territorju tal-Indja minn dak Pakistani – huma l-ewwel minn wara l-gwerra tal-1971 bejn l-Indja u l-Pakistan.

L-osservaturi li tkellmu wara l-aħħar żviluppi allarmanti qablu li l-Indja u l-Pakistan jeħtieġu ‘iwieġbu għall-isfida’ u jippruvaw jikkontrollaw l-affarijiet qabel jeskalaw u jaslu sal-punt fejn ‘kollox, imbagħad, ikun tard wisq’.

Meta tkellem fuq it-televiżjoni, il-Prim Ministru, Khan, offra li jidħol f’taħditiet mal-Indja dwar it-terroriżmu waqt li wissa kontra xi eskalazzjoni tat-tensjoni. Hu, fl-istess ħin, iddefenda l-aġir ta’ pajjiżu bħala ‘dimostrazzjoni li l-qawwiet Pakistani huma kapaċi li jwettqu azzjonijiet fit-territorju tal-Indja bħalma għamlu l-qawwiet Indjani fil-Pakistan.

Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, illum, iddiskuta l-emerġenza ma’ uffiċjali ewlenin tas-sigurtà u l-aġenziji sigrieti. Dan waqt li l-Ministru tal-Indja għall-Affarijiet Barranin, Sushma Swaraj, qalet li pajjiżha ‘se jaġixxi b’sens ta’ kontroll u responsabbiltà’ meta ma jixtieqx li l-affarijiet jaslu sa punt inkontrollabbli.