Lokali

Il-Partit Laburista jattakka liż-żgħażagħ

Il-Partit Laburista b’kampanja sistematika ta’ attakki fuq iż-żgħażagħ – attakki li saru permezz ta’ Karl Stagno Navarra fil-programm Pjazza.

Il-preżentatur, deskritt mill-midja indipendenti bħala l-“mascot tal-Partit Laburista”, għamel minn kollox biex iżebla il-ħeġġa ta’ numru kbir ta’ żgħażagħ li jridu jagħtu servizz lill-komunità permezz tal-politika. Żgħażagħ illi kollha tkellmu fil-Kunsill Ġenerali tal-PN.

Il-Partit Laburista permezz tal-maskot tiegħu kritika wkoll ‘il-lokalità tal-Floriana, fejn qal li din mhux xi New York, u żeblaħ il-kummenti tal-Minority Leader James Aaron Ellul meta qal li se jaħdem għal kull zona fil-Floriana.

Kulħadd jafha l-istorja kkulurita ta’ Stagno Navarra, li qed ikun il-wiċċ tal-Partit Laburista – persuna li għandu diversi każi pendenti l-Qorti, hekk kif l-istess Qorti riċentament ordnatlu biex jagħti l-flus li għandu jħallas lil bosta negozji.

F’każ ieħor, Stagno Navarra spiċċa żgumbrat għax ma ħallasx il-kera għal penthouse f’San Ġiljan, u ġie ordnat mill-Qorti jħallas €42,900 fost l-oħrajn għal ħlas ta’ danni li għamel fl-istess propjetà. Hu kien iħallas kirja ta’ 2,500 fix-xahar għal din il-penthouse.