Internazzjonali

In-Niġerja: Buhari kkonfermat President għat-tieni darba

Il-President tan-Niġerja, Muhammadu Buhari, kien elett għal tieni mandat ta’ erba’ snin fejn għeleb lir-rivali kbir – l-eks Viċi-President Atiku Abubakar – b’marġni ta’ kważi erba’ miljun vot.

Il-konkorrenza ta’ votanzi għall-elezzjoni kienet waħda baxxa rekord ( bi ftit aktar minn 35 fil-mija), bil-Partit Demokratiku tal-Poplu ta’ Abubakar qed jiċħad ir-riżultat.

Intant, u filwaqt li t-tħejjijiet għall-elezzjoni tas-Sibt kienu karatterizzati mid-dewmien u l-vjolenza, l-ebda osservatur indipendenti ma ħareġ b’akkużi dwar xi frodi elettorali.

Malli tħabbret uffiċjalment ir-rebħa, Buhari qal li l-amministrazzjoni ġdida tiegħu se żżid l-isforzi għat-tisħiħ tas-sigurtà nazzjonali u lejn riforma tal-ekonomija. Hu, fl-istess ħin, sostna li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tingħata priorità fix-xhur li ġejjin.

Muhammadu Buhari kien elett President għall-ewwel darba fl-2015 fejn kien sar l-ewwel kandidat tal-Oppożizzjoni li rnexxielu jegħleb President Niġerjan (f’dan il-każ Goodluck Jonathan) fil-kariga.