Sport Sport Ieħor

Isiru l-Kampjonati Nazzjonali tal-Malta Drug Free Powerlifting Association

Kurt Degiorgio jipprepara qabel Rekord Nazzjonali

Il-Malta Drug Free Powerlifting Association organizzat il-Kampjonat Nazzjonali annwali fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet b’total ta’ 20 parteċipant li ħadu sehem fi tliet oqsma differenti. 3Sumo3Cheaters spiċċaw rebbieħa fl-edizzjoni ta’ din is-sena b’total ta’ 935.57 punt, bit-tim magħmul minn Matteo Aquilina, Alwyn Cassar u Luke Bonanno jispiċċa 60.81 punt fuq it-tim li kklassifika fit-tieni post.

Wayne Gregoraci rebaħ il-kategorija tal-irġiel b’220kg squat, 140kg bench press u 275.5kg deadlift, fil-kategorija ta’ taħt id-90kg. It-toqol tad-deadlift fisser ukoll rekord nazzjonali fejn permezz tiegħu Gregoraci refa’ 635.5kg b’total ta’ 374.25 punti.

Fit-tieni post mill-kategorija tal-irġiel spiċċa Matteo Aquilina b’total ta’ 485kg fil-kategorija ta’ taħt is-67kg. Anton Mercieca kklassifika  fit-tielet post, riżultat pożittiv għalih f’dik li kienet l-ewwel kompetizzjoni ta’ din it-tip fil-karriera tiegħu.

Fil-kategorija tan-nisa, Nora Cortina kellha l-aqwa prestazzjoni minn fost in-nisa kollha permezz ta’ 100kg squat, 60kg bench u 115kg deadlift għal total ta’ 275kg u 240.63 punt.

Iż-żagħżugħ Kurt Degiorgio kiseb tliet rekords nazzjonali b’130kg squat, 112.5kg bench u 167.5kg deadlift. Il-kompetizzjoni li jmiss ta’ dan it-tip issir fit-2 ta’ Ġunju li ġej.