Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, bdew it-tieni summit ta’ profil għoli f’Hanoi, il-kapitali tal-Vjetnam, fejn se jiddiskutu pjani għat-tneħħija tal-armi nukleari mill-penisola Koreana.
It-taħditiet f’Hanoi se jkomplu għaddejjin għada, bil-President Trump u Kim Jong-un, aktar kmieni llum, jieħdu b’idejn xulxin quddiem il-media internazzjonali qabel huma daħlu jieklu flimkien u mal-konsulenti rispettivi.
Fl-aħħar xhur ma kien hemm l-ebda progress fl-isforzi lejn id-denuklearizzazzjoni tal-Korea komunista u wara li, f’Ġunju, kien seħħ l-ewwel summit storiku bejn Trump u Kim Jong-un, f’Singapore.
Il-programm tas-summit f’Hanoi għalissa qed ikun limitat għal xi taħditiet qosra u kuntatti mal-istampa. Dan meta mistenni li kwalunkwe iffirmar ta’ ftehim jew xi konferenzi ta’ sinifikat fil-kapitali Vjetnamita, isiru lejn l-aħħar tas-summit, għada.
Filwaqt li Donald Trump u Kim Jong-un se jattendu sensiela ta’ laqgħat flimkien, l-aġenda preċiża tagħhom mhix ċara daqstant. Madankollu, il-President Trump – li qabel l-ewwel laqgħa ma’ Kim kellu taħditiet mal-President u l-Prim Ministru tal-Vjetnam — qed jistenna li l-impenji li jmiss mal-Mexxej Korean ikunu memorabbli u li l-eżerċizzju, mat-tmiem, se jirrifletti s-suċċess mixtieq.
Is-summit f’Hanoi, f’dawn is-sigħat, għandu jibni fuq il-kisbiet tas-summit ta’ Singapore u – minkejja li, minn dakinar, ftit kien hemm progress fuq livell diplomatiku – Donald Trump u Kim Jong-un it-tnejn huma konxji mill-ħtieġa li huma jwieġbu lill-kritiċi b’sinjali ta’ progress konkret.
Sadanittant, Trump, fl-aħħar jiem, deher li kien qed jipprova jnaqqas is-sens ‘żejjed’ ta’ stennija għal riżultati storiċi mil-laqgħat ma’ Kim f’Hanoi — u mhux qed jgħaġġel biex jinsisti għad-denuklearizzazzjoni tal-Korea ta’ Fuq. Dan meta Washington tenna, qabel, li l-Korea komunista għandha twarrab għall-armi nukleari fuq bażi unilaterali qabel jistgħu jittaffew is-sanzjonijiet imposti fuqha.
//= $special ?>

