Illum, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa vvota fuq ir-rapport finali. Fost l-oħrajn, il-Kumitat qed jinsisti li gvernijiet nazzjonali jintroduċu liġijiet kontra l-iSLAPP biex jipproteġu lill-ġurnalisti, kif ukoll biex azzjoni konkreta tittieħed ukoll fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, wara s-smigħ ta’ 17 Black, l-MEPs esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni f’Malta u n-nuqqas ta’ azzjoni politika fuq każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu l-politiċi Maltin. Il-Kumitat talab biex l-Emirati Għarab Magħquda jassigura li l-fondi friżati fil-kontijiet bankarji ta’ 17 Black jibqgħu friżati, u enfażizza n-nuqqas ta’ indipendenza kemm tal-FIAU ta’ Malta kif ukoll tal-Kummissarju tal-Pulizija Malti.
Il-Kumitat innota wkoll li meta nqatlet, il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq l-akbar leak ta’ informazzjoni li qatt irċeviet – dokumenti mill-Electrogas – u li d-direttur u x-shareholder tal-Electrogas inkixef li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Saret talba wkoll biex jitwaqqaf Tim Konġunt ta’ Investigazzjoni biex jindirizza d-dubji serji dwar l-indipendenza u l-kwalità tal-investigazzjonijiet fuq 17 Black, bl-appoġġ tal-Europol u l-Eurojust.
Dan ir-Rapport isegwi insistenza minn naħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li meta kienu ġew żvelati l-fatti dwar 17 Black u r-rabta mal-Power Station tal-Electrogas, kien insista għal dibattitu urġenti fil-Parlament Malti.
Fi stqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Hu ta’ tħassib li kien hemm rapporti dwar nuqqas ta’ progress fuq it-talbiet għall-informazzjoni mill-awtoritajiet tal-UAE. Saru mistoqsijiet serji dwar kemm verament l-awtoritajiet Maltin qed jinsistu għall-provi li jimplikaw nies fl-ogħla livelli tal-Gvern fuq korruzzjoni u ħasil tal-flus.”
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kumitat TAX3 kellu smigħ dwar ir-rivelazzjonijiet ta’ 17 Black.
Ir-rapport jinkludi fih ukoll temi oħra ta’ tassazzjoni li numru ta’ Stati Membri, nkluż Malta, jopponu bil-qawwi. “Jien preżentajt emendi fuq l-abbozz ta’ dan ir-rapport u fil-vot illum, opponejt bil-qawwi dwar klawżoli li jkollhom impatt negattiv fuq is-sistema tat-taxxa ta’ Malta. Jien dejjem iddefendejt is-sistema tat-taxxa ta’ Malta b’mod voċiferu, u hekk se nkompli nagħmel,” qal Casa.
//= $special ?>Owen Bonnici ma jwieġeb xejn mill-mistoqsijiet dwar il-ġustizzja f’Malta