Mietu tal-anqas 20 persuna – b’għexieren oħra jisfaw midruba – wara li qabdu nirien kbar fl-istazzjon tal-ferrovija ewlieni fil-Kajr, il-belt kapitali tal-Eġittu.
L-Awtorità Nazzjonali tal-Ferroviji qalet li n-nar kien dovut għall-ħabta bejn ferrovija u buffer tal-konkrit fl-Istazzjon ta’ Ramses, fiċ-ċentru tal-kapitali.
Jidher li t-tank tal-fuel tal-ferrovija sploda wara l-ħabta, bir-riżultat li wieħed mill-platforms tal-passiġġieri ħa n-nar, bil-fjammi jibilgħu anki numru ta’ bini fil-viċinanzi.
Għexieren ta’ ambulanzi u vetturi għal kontra n-nirien wieġbu minnufih għall-emerġenza, bl-awtoritajiet ma jeskludux li l-mejtin mill-inċident għandhom jiżdiedu, maż-żmien.
Ix-xhieda li raw it-traġedja tiżvolġi rrakkuntaw kif il-ferrovija baqgħet dieħla b’veloċità kbira għal ġol- barrier qabel splodiet, ‘bir-riżultat li n-nies fl-inħawi telqu jiġru ’il hinn, b’ħafna minnhom ma jsalvawx’.
Is-sistema tal-ferrovija tal-Eġittu m’għandhiex rekord tajjeb għas-sigurtà u ħafna nies qegħdin iwaħħlu dan f’nuqqas ta’ investiment fis-settur mill-Gvernijiet suċċessivi. Dan meta s-sistemi ta’ management fis-settur tal-ferroviji fil-pajjiż ukoll huma ’il bogħod minn sodisfaċenti.
//= $special ?>

