Lokali Parlament

Lejn Anzjanita’ b’dinjita’

Preżentazzjoni ta’ manifest dwar drittijiet indaqs u dinjità għall-anzjani maħruġ mill-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Filwaqt li rringrazzja lir-rappreżentanti tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti tax-xogħol sfieq li qed iwettqu, d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar irrefera għax-xogħol li qed isir mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa.

Dan kollu dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, liema proposta issa tinsab fl-aħħar stadji biex tiġi approvata bħala liġi wara li għaddiet mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Impiegi u l-Affarijiet Soċjali.

Qal ukoll li b’hekk l-Oppożizzjoni, permezz tad-Deputati Parlamentari Ewropej tagħha, qiegħda tara li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tissalvagwardja d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej għal iktar Ewropa soċjali.  F’laqgħa li Membri mill-Kunsill tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti kellhom mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onovrevoli Anġlu Farrugia, ġie ppreżentat lilu kopja ta’ Manifest Elettorali dwar Drittijiet Indaqs u Dinjità għall-Anzjani.

Dan id-dokument ġie pubblikat mill-istess Għaqda u kien indirizzat lill-kandidati kollha Maltin li ħerġin għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li se jsiru f’Mejju ta’ din is-sena.  Il-laqgħa saret fil-binja tal-Parlament  nhar l-Erbgħa 27 ta’ Frar, 2019, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva l-Onorevoli Anthony Agius Decelis u tal-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni l-Onorevoli Robert Cutajar.

Wara li ġew milqugħa mill-iSpeaker Farrugia, il-President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti is-Sur Louis Cilia spjega li l-Ewropa (inkluż Malta) qed tixjieħ b’rata mgħaġġla, u għalhekk l-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib ta’ dan il-grupp kbir ta’ ċittadini Ewropew ta’ ’l fuq minn 60 sena għandhom jingħataw widen xieraq minn dawk li jirrrapreżentawhom fl-Istituzzjonijiet kollha, inklużi l-Parlament lokali u dak Ewropew. Ġie emfasizzat li l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti (li hija membru attiv fl-AGE Platform Europe) tagħti l appoġġ kollu tagħha għal dik il-politika li tippromwovi l-interessi tal-persuni anzjani.

Kien għalhekk li flimkien ma’  AGE Platform Europe, l-Għaqda  fasslet manifest elettorali bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 biex jinxtarr sew mill-kandidati li qed jaspiraw li jiġu eletti f’waħda mill-ogħla istituzzjonijiet Ewropej. Fost ir-rakkomandazzjonijiet elenkati f’dan il-manifest, il-President tal-Għaqda rrefera għal seba’ punti li jispikkaw u  li huma:

Li jissaħħu d-drittijiet ta’ persuni anzjani billi tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra l-anzjani minħabba l-età (din id-diskriminazzjoni hija magħrufa bl-Ingliż bħala AGEISM u bil-Malti bħala ETAIŻMU);
Fil-perspettiva ta’ anzjanità attiva għandhom jinħolqu swieqi u xogħol immirati għall-anzjani li jkunu inklussivi f’kull sens;

Li jiġi żgurat dħul xieraq għall-anzjani permezz prinċipalment ta’ pensjonijiet adegwati u kumpensi oħra xierqa marbuta mal-anzjanità, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa; Li tiġi żgurata d-dinjità tal-persuna matul l-ħajja kollha tagħha billi tingħata kura tas-saħħa ta’ kwalità u li tkun affordabbli għal persuni li jkunu laħqu l-età anzjana meta l-iktar ikollhom bżonnha; Li jiġu promossi s-saħħa u l-benesseri tal-persuni anzjani;

Li jkun assigurat li kull anzjan/a fil-pajjiż ikollhom mezz biex ikomplu fl-edukazzjoni u l-istħarriġ mill-ġdid tagħhom biex ikunu jistgħu jkomplu bil-ħajja attiva tagħhom anke wara li jieqfu mix-xogħol, kif ukoll ikollhom aċċess għall-oġġetti, djar u servizzi, speċjalment dawk essenzjali għall-ħajja;

Li ċ-ċittadini anzjani tal-Ewropa jkomplu jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja soċjali, komunitarja, kulturali u demokritika tas-soċjetà.  L-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti tħeġġeġ lill-kandidati kollha f’Malta li se joħorġu għall-elezzjonijiet tal-2019 għall-Parlament Ewropew. Dan biex jagħtu l-appoġġ konsistenti u inekwivoku tagħhom għal din il-politika tal-AGE Platform Europe favur l-anzjani u għal kull inizjattiva oħra li tista’ titressaq mill-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti u dan għall-benefiċċju u l-benesseri ta’ dawk l-eluf kbar ta’ ċittadini Maltin li qabżu s-sittin sena li skont l-istatistika uffiċjali, illum jiffurmaw madwar 25% tal-popolazzjoni u li fi ftit ta’ snin oħra huwa stmat li se jlaħħqu anke ċ-ċifra ta’ 30% tal-popolazzjoni Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis irringrazzja lil Membri tal-Kunsill tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti u qal li l-Gvern jaqbel ħafna mal-punti msemmija fil-manifest għaliex iħarsu lejn il-problemi tal-anzjani mhux biss mil-lat ta’ saħħa iżda mill-aspetti kollha li jirrigwardaw l-anzjanità.  Il-Membri tal-Kunsill tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti rringrazzjaw lil-iSpeaker Anġlu Farrugia kif ukoll lid-Deputati preżenti talli ġentilment aċċettaw li jiltaqgħu mal-Kunsill.