Futbol Sport

Malta ttemm fi draw kontra l-Estonja fl-ewwel impenn fl-Aphrodite Cup

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa fetaħ l-impenji tiegħu fl-Aphrodite Cup f’Limassol bi draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Estonja. Il-formazzjoni mmexxija minn Mark Gatt kien fiha taħtlita ta’ plejers stabbiliti u oħrajn żgħażagħ bi plejers bħal captain Dorianne Theuma, Ylenia Carabott u Stephania Farrugia flimkien ma’ żgħażagħ bħal Maria Farrugia, Nicole Sciberras u Brenda Borg.

It-tim Malti ħoloq serje ta’ opportunitajiet b’tentattivi ta’ Maria Farrugia u Brenda Borg li kienu mċaħħda mil-lasta. Spikkat ukoll il-gowlkiper Janice Xuereb li kienet providenzjali biex salvat meta ġiet wiċċ imb wiċċ ma’ plejer tal-Estonja.

F’kummenti lis-sit uffiċjali tal-MFA, Mark Gatt qal li jinsab sodisfatt bil-prestazzjoni tat-tim. Hu qal li t-tim kellu bidu tajjeb u kien organizzat speċjalment fid-difiża. Kayleigh Chetcuti għamlet id-debutt tagħha meta daħlet bħala sostitut flok Brenda Borg. Fl-ewwel taqsima, Carabott kellha tkun mibdula minħabba li weġġgħet.

It-tim Malti jilgħab it-tieni logħba għada kontra Ċipru qabel jagħlaq l-impenji s-Sibt kontra l-Litwanja.

Il-formazzjoni tat-tim Malti

Janice Xuereb, Nicole Sciberras, Jade Flask, Stephania Farrugia (Rebecca Bajada), Dorianne Theuma, Brenda Borg (Kayleigh Chetcuti), Ylenia Carabott (Martina Borg), Maria Farrugia, Shona Zammit (Roxanne Micallef), Alishia Sultana, Charlene Zammit