Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Metsola tibda n-negozjati mal-Gvernijiet dwar il-liġi l-ġdida tal-fruntieri

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola llum bdiet in-negozjati mal-Kunsill dwar il-liġi l-ġdida tal-fruntieri, li se tfisser iż-żieda ta’ 10,000 gwardjan li se jkunu qed jaħdmu biex ikomplu jipproteġu l-fruntieri tal-Unjoni, kif ukoll jiffaċilitaw il-proċess biex immigranti rregolari jintbagħtu lura. Waqt in-negozjati li bdew illum, magħrufa bħala trilogue, f’isem il-Parlament Ewropew, l-MEP Roberta Metsola se tkun qed tmexxi n-negozjati mal-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea. In-negozjati qed isiru mal-Ministru responsabbli mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopoulos.

Bħala r-Rapporter tal-liġi dwar il-Gwardjani tal-Fruntieri u l-Kosta Ewropea, l-MEP Metsola, fi stqarrija qalet: “Illum, stajna nibdew id-diskussjonijiet mal-Gvernijiet wara li rbaħna negozjati iebsin fil-Parlament Ewropew. Gruppi politiċi differenti kellhom aġendi u prijoritajiet differenti, imma siegħat twal ta’ dibattiti, diskussjonijiet u negozjati wasslu għal pożizzjoni finali b’saħħitha. Issa, qed nassigura li dak li l-Parlament qabel dwaru, jkun rifless fl-abbozz finali tal-liġi wara n-negozjati mal-Kunsill. Jien determinata li nara li din il-liġi tidħol fis-saħħa qabel l-elezzjonijiet, u determinata li dan isir b’mod tajjeb.”

Roberta Metsola, li hi l-Koordinatriċi tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, qalet: “Din il-liġi l-ġdida hi dwar is-sigurtà u tagħti lill-UE l-għodod li għandha bżonn. Is-sigurtà hi t-tħassib ewlieni taċ-ċittadini Ewropej fl-Istati Membri tal-UE, nkluż Malta u Għawdex, u jien irrid nassigura li b’din il-liġi, nindirizzaw proprju dan it-tħassib. Aħna rridu kontinent aktar sigur għaċ-ċittadini Ewropej u għal dawk li jżuruh. Matul in-negozjati, jien dejjem żammejt prinċipju f’moħħi: li nkunu ġusti ma’ min għandu bżonn il-protezzjoni, iebsa ma min m’għandux bżonn, u b’saħħitna ma min jipprova japprofitta minn dawk vulnerabbli. Dan hu dak li dejjem ninsisti fin-negozjati kollha dwar dawn it-temi.”

In-negozjati tat-trilogue se jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin fi Brussell u Strasburgu.

Approvata l-liġi ta’ Metsola dwar il-fruntieri tal-UE