Formula 1 Sport

Norris jagħmel l-aħjar fl-ewwel ġurnata tat-testijiet finali

(Ritratt: EPA)

Iż-żagħżugħ Britanniku Lando Norris għamel l-aħjar ħin fuq McLaren fl-ewwel ġurnata tal-pre-season finali. Is-sewwieq ta’ 19-il sena uża t-tieni l-aktar tyres soft biex qabeż lil Pierre Gasly tar-Red Bull b’distakk minimu ta’ 0.006 ta’ sekonda.

Gasly li kien qed juża s-sett tyres tan-nofs mill-ħames disponibbli, kien 0.109 ta’ sekonda aktar veloċi minn Lance Stroll ta’ Racing Point. Sebastian Vettel spiċċa r-raba’ filwaqt li Lewis Hamilton kien it-12-il sewwieq l-aktar veloċi. Sieħeb Hamilton, Valtteri Bottas, waqaf fiċ-ċirkwit minħabba nuqqas ta’ pressjoni taż-żejt u Mercedes ħadu d-deċiżjoni li jibdlu l-magna. Hu saq fl-aħħar tmien minuti u għamel il-11-il ħin l-aktar veloċi.

It-titjib ta’ Mercedes ma kienx risposta għar-ritmu ta’ Ferrari hekk kif il-partijiet ta’ karozza tal-Formula 1 jieħdu x-xhur biex minn disinn jinbidlu għal produzzjoni imbagħad jidħlu fil-karozza. Iżda minħabba li l-iżvilupp hu kostanti, hu impossibbli biex wieħed ikun jaf b’liema speċifikazzjoni l-karozza jkunu qed isuqu. Fl-ewwel testijiet, Ferrari dehru li għandhom l-aktar karozza veloċi, b’Mercedes u Red Bull ftit warajhom.

B’kollox fadal tlett ijiem testijiet din il-ġimgħa qabel il-ftuħ tal-kampjonat, bl-ewwel Grand Prix se ssir f’Melbourne fl-Awstralja fis-16 ta’ Marzu.

Kif spiċċaw ilbieraħ

1. Lando Norris (McLaren) 1:17.709, 2. Pierre Gasly (Red Bull) 1:17.715, 3. Lance Stroll (Racing Point) 1:17.824, 4. Sebastian Vettel (Ferrari) 1:17.925, 5. Antonio Giovinazzi (Alfa Romeo) 1:18.589, 6. Alexander Albon (Toro Rosso) 1:18.649, 7. Charles Leclerc (Ferrari) 1:18.651, 8. Kevin Magnussen (Haas) 1:18.769, 9. George Russell (Williams) 1:19.662, 10. Daniel Ricciardo (Renault) 1:20.107, 11. Valtteri Bottas (Mercedes) 1:20.167, 12. Lewis Hamilton (Mercedes) 1:20.332, 13. Nico Hulkenberg (Renault) 1:20.348