Wara t-telfa fil-finali tal-League Cup il-Ħadd li għadda, Chelsea wettqu reazzjoni mill-aqwa hekk kif għelbu lil Tottenham Hotspur 2-0 fi Stamford Bridge. Il-manager Maurizio Sarri għażel li jibda b’Willy Caballero fil-lasta flok Kepa Arrizabalaga.
Chelsea fetħu l-iskor fis-57 minuta meta Cesar Azpilicueta għadda vertikalment lejn Pedro Rodriguez li evita difensur u minn angolu ristrett għadd l-ballun minn taħt saqajn Lloris. Il-Blues għalqu l-logħba fl-84 minuta b’Kieran Trippier jagħti passaġġ lura ħażin, bil-ballun jibqa’ dieħel fix-xibka.
Id-dwell għar-rebħ tal-kampjonat kompla biż-żewġ sfidanti jirbħu f’darhom. Liverpool kisbu rebħa faċli ta’ 5-0 fuq Watford. Sadio Mane fetaħ l-iskor fid-disa’ minuta b’daqqa ta’ ras, bl-istess plejer jirdoppja għaxar minuti wara bit-takkuna. Divock Origi għalaq il-logħba b’azzjoni personali fis-66 minuta, biex Virgil van Dijk għamilhom erbgħa fid-79 minuta b’daqqa ta’ ras, bl-istess difensur jiskorja l-ħames gowl tliet minuti wara wkoll b’daqqa ta’ ras.
Manchester City rebħu wkoll iżda 1-0 kontra West Ham f’darhom. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fid-59 minuta meta Bernardo Silva deher jitwaqqa’ fil-kaxxa. Mill-11-il metru Sergio Aguero skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.
Manchester United irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Crystal Palace 3-1 f’Selhurst Park. Huma fetħu l-iskor fit-33 minuta f’azzjoni tajba ta’ Luke Shaw li baqa’ dieħel fil-kaxxa u qassam lejn Romelu Lukaku li b’xutt meqjus fil-baxx bil-lemin għeleb lil Vicente Guaita.
Ir-Red Devils irduppjaw fit-52 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Victor Lindelof lejn Romelu Lukaku li b’ġest akrobatiku għeleb lil Guaita mill-viċin. Crystal Palace naqqsu d-distakk f’nofs it-tieni taqsima f’attakk persistenti, bil-kross ta’ Schlupp jasal għand l-iżmarkat Joel Ward li tar minn tulu biex għeleb lil David de Gea b’daqqa ta’ ras. Iżda Manchester United għalqu l-logħba fit-83 minuta meta Lukaku għadda lejn Paul Pogba li fetaħ lejn Ashley Young li minn pożizzjoni angolata skorja fil-baxx.
Arsenal żammew ir-raba’ post b’rebħa kbira f’darhom ta’ 5-1 fuq Bournemouth. Mesut Özil fetaħ l-iskor wara erba’ minuti wara li tħalla żmarkat, b’Henrikh Mkhitaryan jirdoppja fis-27 minuta wara kombinazzjoni tajba. Lys Mousset naqqas id-distakk tliet minuti wara wara żball fid-difiża ta’ Arsenal, iżda Laurent Koscielny reġa’ kabbar id-distakk fis-47 minuta b’xutt fil-baxx. Pierre-Emerick Aubameyang għamilhom 4-1 mas-siegħa logħob wara ġirja min-nofs il-grawnd biex Alexandre Lacazette skorja l-ħames gowl minn free-kick fid-79 minuta.
Southampton inqalgħu mill-aħħar tlieta b’rebħa ta’ 2-0 f’darhom fuq Fulham. Oriol Romeu fetaħ l-iskor fit-23 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li għadda qalb diversi plejers, biex James Ward Prowse rdoppja fil-41 minuta b’xutt minn rebound.
//= $special ?>