Wara li l-Isqalli Fabrizio Scire’ baqa’ jinsisti li ġie imsawwat mill-Pulizija tal-RIU, sa issa kien hemm skiet totali mill-Kummissarju tal-Pulizija. Domandi li bagħat Net News lill-Kwartieri tal-Pulizija sa dalgħodu baqgħu mhux imwieġba.
Il-kuntrattur Sqalli, li ilu jaħdem Malta fil-kostruzzjoni għal dawn l-aħħar tliet snin, qed jallega li kien aggredit mill-Pulizija f’Malta.
Matul il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd, xi persuna jew persuni taw in-nar lill-vetturi tal-imprenditur li kienu jinsabu f’Ħaż-Żebbuġ. Meta r-raġel, Fabrizio Scire’, mar fuq il-post sab 8 pulizija”. Skont kif rappurtat mill-portal Sqalli Siracusa News u kif allegat minnu stess fuq post fuq Facebook, malli talabhom jgħinuh biex ineħħi vetturi li ma kienux milquta min-nirien, Scire’ qal li ġie aggredit mill-Pulizija mingħajr ebda raġuni.
Fuq Facebook, Scire’ kiteb li l-Maltin m’għandhom x’jaqsmu xejn ma dan kollu, anzi “ħafna drabi jkunu vittmi tas-sistema” huma wkoll.
L-isqalli insista li min żbalja se jħallas.
Hu rrapporta dan il-każ anke mal-Qrati fl-Italja u l-ambaxxata Taljana f’Malta.