Futbol Sport

Suarez jispikka fil-mixja ta’ Barcelona lejn il-finali tat-Tazza tar-Re

(Ritratt: EPA)

Barcelona għaddew għall-finali tat-Tazza tar-Re meta ġabu fix-xejn lil Real Madrid b’rebħa ta’ 3-0 fi Stadio Santiago Bernabeu. L-ewwel leg kienet intemmet 1-1 fil-Camp Nou. Huma jkunu jafu l-avversarji tagħhom fil-finali llum hekk kif tintlagħab it-tieni leg tas-semifinali l-oħra bejn Valencia u Real Betis.

Wara taqsima mingħajr gowls, il-Katalani marru minn fuq fil-51 minuta meta Ousmane Dembele ħarab tajjeb mix-xellug u kkrossja fil-baxx lejn Luis Suarez li b’xutt mill-ewwel fuq l-ewwel lasta għeleb lil Keylor Navas.

It-triq tal-Madrileni għall-finali kompliet tikkomplika ruħha fid-69 minuta bi kross ieħor ta’ Dembele din id-darba mil-lemin lejn Suarez, iżda fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu, id-daħla ta’ Raphael Varane spiċċat biex tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess.

Barcelona komplew ikabbru l-iskor erba’ minuti wara meta d-difiża ta’ Real Madrid inqabdet fuq sieq waħda, b’Suarez javvanza u hekk kif daħal fil-kaxxa twaqqa’ fil-kaxxa minn Casemiro. Mill-11-il metru ħa l-inkarigu Luis Suarez li qabbeż il-ballun fuq Navas.