Sport Waterpolo

Tkompli l-Enemed Cup bi tliet logħbiet

(Ritratt: Martin Agius)

Wara li l-maltemp ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet abbanduna l-konfront bejn Valletta u Birżebbuġa u ħassar iż-żewġ logħbiet ta’ wara, illum titkompla l-Enemed Cup bi tliet logħbiet.

L-aħjar logħba għandha tkun dik bejn Sliema Frank Salt u Sirens Greentube. Is-Slimiżi sa issa urew l-aħjar logħob u meritatament jinsabu fil-quċċata tal-klassifika. Sirens fuq in-naħa l-oħra wkoll rebħu l-logħbiet tagħhom iżda għadhom ma lagħbux kontra t-tliet timijiet ta’ fuq. Huma għelbu lil Valletta fl-aħħar erba’ sekondi u ġabu fix-xejn lil Exiles.

Neptunes Leo Vegas jibdew favoriti li jiksbu t-tielet rebħa tal-kompetizzjoni b’konfront kontra Valletta Videoslots. Il-Beltin urew ftit titjib mill-istaġun li għadda hekk kif qed joffru sfida aktar denja lill-avversarji, iżda għadhom ftit distakkati mit-timijiet il-kbar. Neptunes mingħajr l-aħwa Camilleri, għandhom tim ibbażat fuq iż-żgħażagħ bl-eċċezzjoni tal-gowlkiper Alan Borg Cole u l-captain Niki Lanzon. Sa issa huma kienu dixxiplinati fil-logħbiet, anki fit-telfa kontra Sliema.

Fil-konfront l-ieħor, Birżebbuġa Freeport u Exiles Elia Caterers. Iż-żewġ timijiet għadhom qed ifittxu l-ewwel punti iżda t-tnejn għandhom għanijiet differenti. Birżebbuġa huma l-uniku tim mill-Ewwel Diviżjoni li qed jieħu sehem fl-Enemed Cup u qed jużaw din l-esperjenza biex ikunu preparati għaż-żewġ kampjonati li ġejjin. Exiles qed jittamaw li jkomplu jibnu fuq l-aħħar sentejn iżda sa issa kellhom bidu kajman.

Logħob għal-lum

Neptunes v Valletta 5.30pm, Sliema v Sirens 6.45pm, Birżebbuġa v Exiles 8.00pm