Fl-aħħar snin, Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista fis-Swieqi ħadem ferm biex l-ambjent fil-lokalità jibqa’ jiġi protett, minkejja l-mod kif il-Gvern qed isawwat lil dan is-settur daqstant importanti.
Xhieda ta’ dan fis-Swieqi hu Wied Għomor, fejn il-Kunsill Lokali għamel dak kollu li seta’ biex isemma’ leħen ir-residenti ħalli jsalva din il-ġawhra ambjentali.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara oħra fost ir-residenti u l-komunità kummerċjali fis-Swieqi. Hu kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Robert Arrigo, mid-Deputat u President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, kif ukoll mis-Sindku, Kunsilliera u Kandidati lokali u għall-Parlament Ewropew.
Adrian Delia qal li matul iż-żjara nnota l-problema ta’ mmaniġġjar tat-traffiku, mhux biss fis-Swieqi iżda wkoll f’lokalitajiet oħra fil-qrib. Min-naħa l-oħra, ħafna nies sellmu lill-membri tal-Kunsill Lokali li jimpenjaw ruħhom ħafna – għalkemm għalxejn – ladarba l-Gvern ma jagħtix każ ta’ dak li qed ikunlu ssuġġerit b’risq ir-residenti.
Anke hawn, kien innutat nuqqas ta’ pjanar bi żvilupp eċċessiv, bir-residenti qed ikollhom problemi kontinwi ta’ xogħolijiet għaddejjin wara biebhom. Hu ċar li dan qed joħloq diffikultajiet fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm b’appell lill-Gvern biex jagħti aktar widen fit-tqassim tal-finanzi għat-toroq, ħalli l-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jħejju toroq diċenti lir-residenti.
//= $special ?>