Lokali

“Flimkien se noffru futur għal pajjiżna” – Adrian Delia

"Il-Partit Nazzjonalista huwa magħkom. Il-Partit Nazzjonalista huwa tagħkom" - Adrian Delia

“Flimkien nistgħu nilħqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi billi niġġieldu l-korruzzjoni u l-inġustizzji, billi nrażżnu l-għoli tal-ħajja u billi noffru futur aħjar għaż-żgħażagħ u għal pajjiżna”.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali bit-tema “Flimkien Għal Pajjiżna”.

Adrian Delia tkellem dwar tlett temi prinċipalI – is-saltna tad-dritt, l-għoli tal-ħajja u ż-żgħażagħ.

Hu rrefera għar-rapport tal-Ombudsman dwar l-armata u qal li l-mod kif il-Gvern qed jikkontrolla l-armata ta’ pajjiżna qed jimmina d-demokrazija. Adrian Delia sostna li r-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Ombudsman dwar l-Armata, għandhom japplikaw anke għall-awtoritajiet l-oħra li jinsabu maqbuda fil-ponn tal-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern jagħżel lill min jinvestiga, jagħżel lill min iqassam art pubblika, jagħżel liema banek jilliċenzja u jagħżel li jbigħ l-istparijiet pubbliċi għal Ewro wieħed.

Adrian Delia tkellem dwar kif ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna qegħda kull ma jmur titmermer. Xi ħaġa li semma saħansitra l-Kap Eżekuttiv tal-HSBC f’Malta, Andrew Beane li qal li kienet propju din id-daqqa lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna r-raġuni għat-telf ta’ €11-il miljun Ewro fi qligħ għall-Bank meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat mhux talli ma ħoloqx dik il-middle class il-ġdida li wiegħed, iżda talli ħoloq klassi ġdida ta’ faqar. Tkellem dwar kemm saret diffiċli anke għal min studja u stinka, biex ilaħħaq mal-ħajja u biex jixtri l-propjetà tiegħu. Hu qal li dawk li l-aktar li qed iħossu t-toqol tal-għoli tal-ħajja, huma dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom l-anzjani.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma wkoll il-kriżi fl-edukazzjoni, fejn fost il-problemi f’dan il-qasam hemm in-numru kbir ta’ abbużi li qed isofru ħafna edukaturi, u qal li l-Gvern prefera jagħmel surplus fil-kotba tal-Gvern milli jinvesti fl-edukazzjoni, fl-iskejjel u fl-edukaturi.

Hu qal li l-problemi għaż-żgħażagħ Għawdxin jerġa’ huma ikbar, u staqsa dwar x’tip ta’ politika hi din tal-Prim Ministru li jgħid li se jibni mina għall-karozzi bejn Malta u Għawdex imma fl-istess nifs jgħid li Għawdex se jkun hemm biss karozzi tal-elettriku.

Adrian Delia qal li għall-Partit Nazzjnalista, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ u l-edukaturi huma s-soluzzjoni u mhux il-problema.

Hu temm id-diskors tiegħu b’messaġġ li jagħmel kuraġġ liz-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-vulnerabbli, lil dawk kollha li qed iħossuhom minsija u saħaq li l-Partit Nazzjnalista huwa tagħhom ukoll u li dejjem se jsibu lill-Partit Nazzjonalista warajhom biex ikun ta’ spalla soda għalihom.