Internazzjonali

Ifallu t-taħdidiet bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq

Is-summit fil-Vjetnam bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un intemm ħesrem mingħajr ftehim. F’kumment li ta lill-media internazzjonali, Trump qal li t-taħdidiet fallew minħabba s-sanzjonijiet. Il-Mexxej Korean kien qed jinsisti li s-sanzjonijiet jintemmu għal kollox u l-Istati Uniti mhux lesta li tieħu dan il-pass għalissa.

Dan kien riżultat li ħasad lil kulħadd hekk kif kien hemm stennija li se jitħabbar xi forma ta’ ftehim fuq iż-żarmar tal-programm nukleari tal-istat komunista’.

Minn barra, il-laqgħa dehret bħala waħda kordjali, bħalma kien is-summit storiku f’Singapore is-sena li għaddiet. Mistoqsi mill-ġurnalisti, Donald Trump qal li m’hemmx pjani għal laqgħa oħra.

Oriġinarjament, il-programm tal-lum kellu jinkludi ċerimonja ta’ iffirmar ta’ ftehim u pranzu, iżda dawn tħassru.

Għadu mhux ċar x’qed ifissru ż-żewġ naħat b’denuklearizzazzjoni. L-Istati Uniti qed tinsisti li l-Korea ta’ Fuq tneħħi l-armi nukleari kollha qabel jitneħħew is-sanzjonijiet iżda l-Korea ta’ Fuq mhux lesta li tagħmel dan.