Lokali

Il-mara tat-tifel ta’ Pawlu Lia għal Maġistrat

Pawlu Lia hu l-avukat ta' Joseph Muscat u tal-Partit Laburista

Fl-2010, waqt li kienet qed isservi fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Nadine Sant kienet qalgħet ċanfira fl-awla ta’ l-Imħallef Michael Mallia fejn iddeskriva l-aġir tagħha bħala “diżgustanti” u qalilha li kienet qed tagħmel farsa mill-proċeduri tal-Qorti.

Issa, il-mara ta’ iben l-avukat tal-Partit Laburista Pawlu Lia. illum Nadine Lia, mistennija tilħaq Maġistrat. Dan hekk kif se jinħoloq post vakanti għal maġistrat meta maġistrati oħra se jkunu elevati għal Imħallfin.

Nadine Sant serviet fil-ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar bħala avukat, u bħala chairperson fuq il-Kumitat dwar il-Liġi fuq in-Negozji tal-Familja taħt il-Ministru Chris Cardona, u dan l-aħħar ġiet maħtura bħala r-Regolatur dwar in-Negozji tal-Familja.

Il-kunjatu taghha Pawlu Lia ilu s-snin iservi bħala avukat tal-Partit Laburitsa u ta’ Joseph Muscat fl-aktar każi jaħarqu.

Intant, fost ic-caqliq li se jkun hemm fil-gudikatura, Francesco Depasquale u Yana Micallef Stafrace huma mistennija jkunu elevati biex issa se jservu bħala Imħallfin fil-Qrati Superjuri.