Filwaqt li l-osservaturi qed jinkwetaw dwar eskalazzjoni vjolenti akbar bejn il-Pakistan u l-Indja (ġirien bil-kapaċità nukleari) il-Pakistan qiegħed jipprova jtaffi t-tensjoni tal-aħħar jiem permezz ta’ stqarrija li se jinħeles il-pilota Indjan li nqabad din il-ġimgħa waqt konfront militari.
L-impenn minn Islamabad – li ssemma bħala ‘offerta ta’ paċi’ — ħabbru l-Prim Ministru Pakistani, Imran Khan, li, waqt diskors fil-Parlament ta’ Islamabad, qal li l-Pakistan qed jikkonċentra l-isforzi biex inaqqas mill-potenzjal ta’ konfront armat ‘kbir’ mal-ġar.
Il-qawwiet Pakistani kienu waqqgħu l-fighter-jet tal-pilota Indjan f’nofs il-ġimgħa, fost it-tensjoni mal-Indja dwar ir-reġjun polemikuż ta’ Kashmir.
Il-fatt li l-pilota, Abhinandan Varthaman, spiċċa f’idejn il-Pakistan qed jitqies bħala disfatta għall-Indja meta l-awtoritajiet fi New Delhi, l-istess bħall-dawk fil-Pakistan, jinsabu taħt pressjoni biex ‘jikkalmaw l-affarijiet’. Intant, il-Prim Ministru Khan informa lill-assemblea f’Islamabad li l-pilota għandu jinħeles ‘f’xi ħin għada, il-Ġimgħa’.
Qawwiet tal-ajru Indjani, nhar it-Tlieta, kienu attakkaw u laqtu miri speċifiċi fil-Pakistan b’reazzjoni għal attakk minn militanti, kmieni fi Frar, fuq il-qawwiet tas-sigurtà tal-Indja li kien ħalla għexieren ta’ mejtin. L-Indja kien akkuża lill-Pakistan dwar ‘sehem’ fil-qtil tal-militar u l-Gvern f’Islamabad qal li hu, imbagħad, ‘ma kellux għażla’ ħlief li jirritalja b’attakki mill-ajru kontra xi zoni fl-Indja.
Fil-fatt, l-aħħar konfront bejn il-ġirien irriżulta fit-twaqqigħ tal-fighter-jet Indjan li niżel fl-art ta’ Kashmir amministrat mill-Pakistan.
Sadanittant, il-Prim Ministru Khan qed jipprova jnaqqas mis-sitwazzjoni ‘perikoluża ferm’ mal-ġar, waqt li kkummenta li ‘l-Indja u l-Pakistan għandhom jgħixu maġenb xulxin fil-paċi. Dan wara li hu kien insista għal taħditiet mal-Gvern tal-Indja biex jevitaw is-sogru ta’ ‘żbalji fatali, ‘il quddiem, li kapaċi jirriżultaw fl-agħar konflitt’.
Il-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, ma kummentax dwar il-kriżi, iżda l-Gvern tiegħu ma żammx lura milli jinsisti ‘għall-ħelsien immedjat tal-pilota’ li qed igawdi status ta’ eroj fl-Indja.
L-ewwel ritratti li dehru ta’ Abhinandan Varthaman ftit wara li tniżżel bl-ajruplan kienu kundannati peress li l-pilota deher mimli bid-dmija wara li spiċċa msawwat mir-residenti Pakistani fiz-zona — u fejn kellhom jintervjenu s-suldati Pakistani biex isalvawh minn aktar vjolenza.
//= $special ?>

