Ambjent Lokali

Il-PN jappella għal miżuri ta’ emerġenza lill-bdiewa

Stqarrija mid-deputat Edwin Vassallo u l-kandidat għall-MEPs Peter Agius

Ħames t’ijiem wara l-maltempata li laqtet lill-pajjiżna, ħafna bdiewa għadhom fid-dlam jekk hux se jieħdu għajnuna finanzjarja diretta mill-Gvern għall-ħsarat estensivi fl-għelieqi u fl-istrutturi agrikoli tagħhom. Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġa illejla.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jkompli jappella biex isir inventarju dettaljat tal-ħsarat biex Malta tapplika għall-fondi Ewropej b’kumpens għall-ħsarat, u lest joffri l-għajnuna tiegħu f’dan il-proċess fil-Parlament Ewropew, jeħtieġ iżda li sadanittant nieħdu miżuri ta’ emerġenza biex il-bdiewa jkunu jistgħu jarmaw biex jippreparaw għall-istaġun tal-produzzjoni li jmiss.

Jidher ċar li l-bdiewa ma nistgħux inħalluhom jistennew sakemm nipproċessaw il-karti kollha. Jeħtieġ li ngħinu parzjalment safejn nistgħu mill-fondi tal-Gvern lil dawk l-aktar milquta, u wara nagħtu kumpens aktar b’saħħtu fejn hemm ħsarat kbar lil dawk kollha milquta. Skont regoli adottati reċentement fi Brussell, f’każ bħal tal-maltempata, il-Gvern Malti jista’ jagħti l-għajnuna lill-bdiewa sa massimu ta’ €20,000 immedjatament mingħajr il-bżonn tal-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

F’każijiet eċċezzjonali ta’ maltemp li jaffetwa lill-biedja, il-Kummissjoni Ewropea għandha fondi ta’ emergenza tal-Unjoni Ewropea stess biex tgħin dawn il-produtturi sabiex il-provvista tal-prodotti ma tonqosx fis-suq u ma jgħolewx il-prezzijiet għall-konsumatur. Madanakollu, dan isir jekk il-Gvern Malti ikollu argument b’saħħtu u jirnexxielu jikkonvinċi lill-Kummissjoni.

Il-bdiewa f’pajjiżna jinsabu esposti żżejjed għal dawn it-tip ta’ riskji tal-maltemp u l-mard minħabba li l-maġġorparti tal-bdiewa m’humiex koperti b’assikurazzjoni komprensiva għal ħsarat mill-maltemp. L-Unjoni Ewropea tinkoraġixxi l-Gvern li jidħol parteċipi mal-bidwi f’polza tal-assikurazzjoni u jkopri addirittura sa 65% tal-premium tal-polza. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex iniedi minnufih skema ta’ assikurazzjoni lill-bdiewa bl-għajnuna diretta biex il-bidwi jkun protett mir-riskji u jkun jista’ jinvesti b’perspettiva fit-tul.